-
Il-Ħadd l-1 ta’ Frar 2015, fil-11.00 a.m., l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, ser jiċċelebra Quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja. Fis-6.30 ta’ filgħaxija, l-Isqof ser jiċċelebra Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, fil-knisja parrokkjali tal-Fgura, f’għeluq il-ħamsin sena mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa.
Nhar it-Tnejn, 2 ta’ Frar, festa tal-preżentazzjoni tal-Mulej fit-tempju, il-Knisja Universali tiċċelebra Jum il-Ħajja Kkonsagrata. Fit-8.30 ta’ filgħodu, l-Isqof Charles J. Scicluna jiċċelebra Quddiesa fil-monasteru tas-sorijiet Klarissi f’San Ġiljan. Fis-6.30 ta’ filgħaxija, fil-Knisja ta’ Santa Tereża, Birkirkara, l-Isqof imexxi ċelebrazzjoni għar-reliġjużi rġiel u nisa. Mistiedna wkoll saċerdoti djoċesani u lajċi.
Il-Ħamis, 5 ta’ Frar, fis-7.00 ta’ filgħaxija, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, l-Isqof Scicluna jiċċelebra Quddiesa mal-kappillani tal-parroċċi ta’ Malta. Għall-Quddiesa ser ikun hemm preżenti rappreżenanti lajċi minn kull parroċċa.
Il-Ħadd, 8 ta’ Frar, fid-9.00 ta’ filgħodu, l-Isqof Charles J. Scicluna jiċċelebra Quddiesa f’Villa Francia, Ħal Lija, fl-okkażjoni tal-festa taċ-Ċitru. Fis-6.30 p.m., fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, l-Isqof jiċċelebra Quddiesa għall-koppji għarajjes li ser jiżżewġu din is-sena. Din il-Quddiesa hija organizzata mill-Moviment ta’ Kana.
It-Tnejn, 9 ta’ Frar, fis-6.00 ta’ filgħaxija, l-Isqof Scicluna jmexxi traslazzjoni solenni tar-relikwa u Vespri fil-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta. It-Tlieta, 10 ta’ Frar, fid-9.15 a.m., l-Isqof jiċċelebra Quddiesa Pontifikali fl-okkażjoni tal-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl. Waqt il-Quddiesa Monsinjur Isqof jinseġ il-Paniġierku.
Nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Frar, tifkira tal-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes, fis-6.30 p.m., fis-Santwarju ta’ Santa Tereża, Birkirkara, l-Isqof Scicluna jiċċelebra Quddiesa għall-morda.
Is-Sibt, 14 ta’ Frar, fis-6 ta’ filgħaxija, l-Isqof imexxi Quddiesa fil-Knisja Parrokjali tal-Imqabba, fil-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Dun John Curmi bħala kappillan.
Il-Ħadd, 15 ta’ Frar, fis-6 ta’ filgħaxija, fil-Knisja Parrokkjali tal-Gżira, l-Isqof jilqa’ numru ta’ seminaristi bħala kandidati għas-saċerdozju.
L-Erbgħa, 18 ta’ Frar, bidu tar-Randan imqaddes, fis-6 ta’ filgħaxija, l-Isqof Charles J. Scicluna jmexxi pellegrinaġġ penitenzjali mill-knisja ta’ San Girgor għal dik parrokkjali taż-Żejtun. Wara l-pellegrinaġġ jiċċelebra Quddiesa li fiha jsir ir-rit tat-tqegħid tal-irmied.
Il-Ħadd, 22 ta’ Frar, fl-4 ta’ filgħaxija, l-Isqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali ta’ Ħadd
in-Nies, b’pellegrinaġġ u Quddiesa fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar.Il-Ġimgħa, 27 ta’ Frar, fil-5 ta’ filgħaxija, l-Isqof Scicluna jmexxi pellegrinaġġ penitenzjali bl-istatwa tal-Ecce Homo mill-knisja parrokkjali ta’ Stella Maris, għal dik ta’ St Patrick’s, tas-Sliema. Fi tmiem il-pellegrinaġġ l-Isqof imexxi ċelebrazzjoni Ewkaristika.