L-uffiċċju għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Papa ippubblika l-kalendarju taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li se jkunu preseduti mill-Kap tal-Knisja bejn dax-xahar u Ġunju.
F’dan ix-xahar t’April, preċiżament nhar il-Ħadd li ġej, li jaħbat ir-raba’ Ħadd tal-Għid, il-Papa se jippresiedi l-ordinazzjonijiet saċerdotali fil-Bażilika tal-Vatikan fid-9am.
Matul ix-xahar ta’ Mejju, fis-sitt Ħadd tal-Għid, nhar it-13 ta’ Mejju, il-Papa se jagħmel żjara pastorali fl-ibliet Taljani ta’ Arezzo, La Verna u San Sepolcro. Fis-27 ta’ Mejju, imbagħad, solennita ta’ Pentekoste, jew Għid il-Ħamsin, il-Papa jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fil-Bażilika tal-Vatikan fid-9.30am.
Matul Ġunju, fl-ewwel tliet ijiem il-Papa se jagħmel żjara pastorali f’Milan fejn se jkun qed jieħu sehem fil-Kungress Dinji tal-Familji. Fis-solennita ta’ Corpus Christi, fis-7 ta’ Mejju, il-Papa se jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fil-bażilika ta’ San Ġwann Lateran. Dakinhar issir ukoll purċissjoni sal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore. Tingħata wkoll il-barka sagramentali.
Nhar id-29 ta’ Ġunju, solennita ta’ San Pietru u San Pawl appostli, il-Papa se jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni ewkarisitika fil-bażilika tal-Vatikan, fejn issir il-barka u jingħata l-pallium lill-Arċisqfijiet metropolitani ġodda.