Il-Kunsill Islamiku ta’ Riċerka fl-Universita ta’ al-Azhar, l-ogħla awtorita tas-Sunni Islam, iffriża d-djalogumal-Vatikan bi protesta għad-difiża tal-insara fl-Eġittu mill-Papa Benedittu XVI. Dan hu l-aħħar minn sensiela ta’ żviluppi fir-relazzjonijiet bejn l-Eġittu u l-Vatikan, liema relazzjonijiet qatgħu lura wara l-attakk fuq il-Knisja Nisranija Kopta f’Alessandria fl-1 ta’ Jannar 2011. Dan l-attakk kien ħalla iktar minn 20 persuna mejta.
Wara li fl-aħħar ħmistax, il-Papa rrefera mill-ġdid għall-attakk ta’ ftuħ dis-sena, il-ġimgħa li għaddiet l-Eġittu fakkret lill-Ambaxxatriċi tagħha għas-Santa Sede, Lamia Aly Hamada Mekhemar.
L-ewwel kumment tal-Papa f’dar-rigward wasal meta kien qed jindirizza l-udjenza ġenerali bil-Parlamentari Taljani. Dakinhar esprima solidarjeta mal-Eġizzjani Kopti.
L-aħbar tal-iffriżar fid-djalogu isegwi protesta mill-Imam Ahmad al-Tayyeb, li qal li l-kummenti tal-Papa huma “intervent inaċċettabbli fl-affarijiet tal-Eġittu”.
Fl-2008, il-Kumitat Permanenti ta’ al-Azhar għad-Djalogu fost ir-reliġjonijiet monoteisitiċi kien ingħaqad mal-Kumitat konġunt għad-djalogu fi ħdan il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter reliġjuż. Dawn iltaqgħu kull sena, b’mod alternat fil-Kajr u f’Ruma, bil-laqgħa li jmiss skedata għal Frar.
Il-Kelliemi għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, irreaġixxa għall-istqarrija ta’ al-Azhar u qal li l-Kunsill tal-Vatikan għad-djalogu “qed jiġbor il-materjal meħtieġ għal fehim adekwat tas-sitwazzjoni”. Temm jgħid li x-xewqa għad-djalogu tibqa’ fuqnett fl-aġenda tal-Kunsill Pontifiċju.