-
-
Fr Mark Cachia SJ inħatar bħala ċ-chaplain il-ġdid tal-Università ta’ Malta. Dan wara li Fr Michael Bugeja, kien ilu jmexxi l-kappella tal-Università għal dawn l-aħħar 9 snin.
Fr Cachia se jieħu ħsieb tim li jaħdem mill-kappella St Thomas More, fuq il-kampus tal-università stess, u li hu ffurmat minn żewġ impjegati full-time – Christian Mintoff u Sara Zingariello – u Martina Laferla, li tikkordina il-kors universitarju fuq ħidma volontarja, Degree Plus. Minn Settembru li ġej, it-tim se jikber hekk kif se jingħaqad magħhom student Ġiżwita, Br Manuel Manuzzi SJ, li se jagħmel sentejn ta’ ħidma pastorali f’Malta.
Fr Cachia qal li t-tim tal-kappella se jibqa’ jaħdem fuq it-tliet aspetti tal-ħajja Nisranija sabiex jiġu integrati fl-attivitajiet li jsiru mal-istudenti, jiġifieri l-komunità, l-ispiritwalità u s-servizz.
F’April li ġej, it-tim tal-kappella se jorganizza ‘social week’ fejn se tgħaqqad lin-nies dwar temi soċjali u tenfasizza r-relazzjoni bejn il-fidi Nisranija u li tkun ċittadin responsabbli.
Fr Mark Cachia temm l-istudji tiegħu fit-Teoloġija f’Madrid, Spanja u kien jieħu ħsieb ukoll ir-relazzjoni mal-midja u l-ħidma pastorali mal-migranti fi ħdan il-JRS Malta.