****

Direttur:          Elizabeth Banks

Atturi:              Kristen Stewart, Naomi Scott, Ella Balinska, Elizabeth Banks, Djimon Hounsou, Sam Claflin, Noah Centineo u Patrick Stewart

Ħin tal-Film:    119 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

Grupp ta’ Angels taħt it-tmexxija tal-operatur prinċipali John Bosley jaqbdu lil Jonny Smith, kuntrabandist internazzjonali ġewwa Rio de Janeiro u jagħtuh f’idejn il-awtoritajiet Amerikani. Sena wara, id-diviżjoni Ewropea tal-Aġenzija Townsend tkun infurmata li Elena Houghlin, li taħdem mal-intraprenditur tekniku Alexander Brock, xtaqet li tisponi lis-superjur tagħha Peter Fleming, il-kap tal-iżvilupp li għar-raġuniiet tiegħu żamm mistur il-periklu li tista’ tikkawża l-invenzjoni Calisto li l-għan tagħha kien li tikkonserva l-enerġija.

Elena tiltaqa’ ma’ Edgar Bosley biex ikun xhud għall-iżball li Fleming għamel. Iżda din il-laqgħa sfrattat meta Hodak,  assassin, jirnexxilu joqtol lil Edgar u jħalli lil Elena f’qagħda li setgħet tmut. Kellha tkun Jane Kano, il-protègè ta’ Edgar li salvat lil Elena minn mewta ċerta. Jane ħadet lil Elena bl-għajnuna ta’ Sabina Wilson għand l-operatur tagħha, Rebekah Bosley.

Sadanittant John Bosley li kien irtira  mill-aġenzija, isir jaf li Rebekah kienet daħlitu fl-aġenzija speċjalizzata mingħajr ma kien jaf xejn. Rebekah tagħti mandat lil Angels  biex jidħlu fil-kwartier ġenerali ta’ Brock biex jisirqu l-bqija ta’ Calisto qabel dawn setgħu jiġu dduplikati. Elena tidħol magħhom għal din l-operazzjoni u ssib wieħed mill-Calisto għalkemm kellha tabbanduna l-operazzjoni wara li qatlet wieħed mill-għassiesa. Sfortunatament il-bqija ta’ Calisto kienu kollha sparixxew bi Fleming jiġi ssuspettat li kien hu l-ħalliel li ħa l-bqija.

Rebekah issir taf bis-saħħa ta’ Jane li użat waħda mill-kuntatti li kellha fil-passat u li kixfet fejn kien Fleming. Fleming kien jinsab ġewwa barriera f’Istanbul.  L-erba’ li huma jirnexxilhom isibuh f’din il-barriera remota fejn darba kienu żammew pruġunier lil Jonny. Hawn jintebħu li kien Jonny wara kollox il-medjatur ta’ Fleming biex dan ibiegħ il-bqija ta’ Calisto. Għal dan ix-xiri kien hemm preżenti wkoll Hodak li qatel lil Fleming qabel ma l-Angels kissru l-bejgħ tal-Calisto. F’daqqa waħda Rebekah tisparixxi b’riżultat li Jonny u Hodak kellhom iċ-ċans li jaħarbu minn fuq il-post bil-prototipi tal-Calisto. L-Angels jirtiraw  fil-moħba taghhom u hawn Sabina tistqarr il-ħsieb tagħha li Rebekah bil-moħbi kienet qegħda tahdem kontra l-aġenzija. X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Elizabeth Banks. Minħabba vjolenza għalkemm mhux imdemmja u kliem goff ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.