Il-President Nazzjonali tat-Tiġdid Spiritwali Salvatore Martinez ħabbar li f’Nażaret se tinbena dik li se tissejjaħ id-‘Dar tal-Papa’, li se tkun ċentru internazzjonali għall-familja. Dan iċ-ċentru se jservi bħala post ta’ formazzjoni, osservazzjoni u soċjalizazzjoni għall-familji. Din kienet il-ħolma li kellu l-Beatu, Papa Ġwanni Pawlu II, imħabbra minnu stess fit-tieni laqgħa dinjija tal-familji f’Rio de Janiero l-Brażil fl-1997. Kien tliet snin ilu, li l-Papa attwali poġġa u bierek l-ewwel ġebla ta’ dan il-proġett f’Nażaret.
Dan irriżulta f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Milan, wara li ntemmet is-seba’ laqgħa dinjija tal-familji. “Hawn f’Milan nistgħu nippreżentaw il-proġett sħiħ wara taħditiet li ma kinux faċli u li ħadu fit-tul mal-awtoritajiet ekkleżjastiċi, ċivili u politiċi. Jekk il-providenza tkun kbira, naħsbu li fi ftit snin iċ-Ċentru jkun qed jiffunzjona”, stqarr Mrtinez.
Fl-istess konferenza, l-Arċisqof ta’ Milan, il-Kardinal Angelo Scola, u l-President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Familja, il-Kardinal Ennio Antonelli, fost oħrajn, elenkaw ċifri ferm sinifikanti relatati mal-organizzazzjoni ta’ din l-attivita dinjija.
Miljun persuna hu stmat li ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tal-Ħadd fi Bresso, attivita li segwewha 1,700,000 persuna permezz ta’ trasmissjoni televiżiva diretta fuq Rai1. L-istess post, Bresso, lejliet filgħaxija, ra madwar 350,000 persuna jipparteċipaw f’attivita oħra ta’ xiehda tal-familja, attivita oħra li kellha segwitu qawwi ta’ iktar minn 3 miljun persuna permezz ta’ trasmissjoni diretta fuq Rai1. Dan minbarra l-madwar 150,000 persuni stmati li sabu posthom fit-toroq isellmu lill-Papa Benedittu XVI waqt it-traġitt tiegħu bejn il-Kurja u Bresso, u lura, u anki fi triqtu mill-Kurja lejn Linate.
Ċifri oħra ta’ interess jinkludu l-għadd ta’ pajjiżi li kellhom rappreżentanza f’din is-seba’ laqgħa dinjija tal-familji, li ammonta għal total ta’ 153. Ftit iktar minn 122,000 persuna żaru f’ħinijiet differenti s-sit internet www.family2012.com fil-jiem taċ-ċelebrazzjoni bejn l-aħħar jum ta’ Mejju u t-tielet jum ta’ Ġunju.
L-istatistika tagħti wkoll idea tal-għadd ta’ tfal li ħadu sehem għall-Kungress li kien organizzat għalihom fi Fiera Milano City. Kienu b’kollox 900, bil-viżitaturi fil-fiera u l-librerija tal-familja fl-istess post bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa jammontaw għal 80,000. F’Kungress Teoloġiku Internazzjonali hawnhekk, kien hemm 6,900 delegat u 5,000 parteċipant f’sede differenti. F’kunċert fit-Teatro Alla Scala, il-Ġimgħa, irriżulta li kien hemm mal-1,880 parteċipant, attivita li kienet segwita minn 1,200,000 persuna permezz ta’ trasmissjoni diretta fuq Rai3. Il-preżenza tal-Papa Benedittu XVI fl-istess ġurnata tal-Ġimgħa fi Piazza Duomo f’Milan attirat 60,000 ruħ, minbarra l-madwar 20,000 li għażlu post fit-toroq li minnhom għadda l-Papa għall-wasla jew mat-tluq tiegħu miċ-ċentru ta’ Milan. Id-diskors tiegħu fi Piazza Duomo kien segwit ukoll permezz ta’ trasmissjoni televiżiva minn kważi 1,500,000 ruħ. Fost dawn, l-għadd ta’ saċerdoti, reliġjużi, djakni u seminaristi kien jammonta għal 5,500.
Fil-laqgħa taż-żgħażagħ is-Sibt fl-istadio San Siro, hu stmat li kienu mat-80,000 dawk preżenti.
Intant, l-għadd ta’ voluntiera fl-organizzazzjoni ta’ din il-laqgħa dinjija, fi spazju t’erbat ijiem, kien jammonta għal 5,300.