L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-sena ddedikata lill-Evanġelista San Mark, is-silta għal din il-festa, kif inhu xieraq, hi minn dan l-Evanġelju miktub għad-dell tal-appostli Pietru u Pawlu. “Fl-ewwel jum tal-Ażmi meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid” (Mk 14:12), il-kuntest li jagħti l-Evanġelista Mark għar-rakkont tal-Ewkaristija hu proprju l-kuntest tal-Għid li hu l-mixja ta’ ħelsien mill-mewt għall-ħajja, mid-dlam għad-dawl. U r-riferiment speċifiku għall-Ħaruf tal-Għid jurina wkoll li din l-ikla li se jħejji l-Mulej hi wkoll tifkira ta’ sagrifiċċju li jġibilna l-ħelsien. Imma fuq kollox l-Ewkaristija hi l-ikla tal-aħwa. 

“Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” (Mk 14:12) U forsi din id-domanda għandha tkun id-domanda tagħna l-Insara. Domanda li nagħmlu b’umiltà kbira lil Ġesù waqt li nkomplu nistidnuh, iħejji u jiekol l-ikla tal-Għid magħna – ikla ta’ ħelsien, ikla ta’ mħabba, ikla ta’ għotja fil-verità u l-ġustizzja.

Il-Mulej jinsisti li jixtieq li titħejja din l-ikla u lil sid id-dar jibgħatlu din ir-risposta: “Qallek l-Imgħallem fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?” (Mk 14:14) Ħejjew l-ikla tal-Għid. F’din is-silta tant qasira ninnutaw kemm-il darba tirrepeti ruħha din il-kelma “ikla”. Fejn jitħejja għalina ikel qaddis u xorb qaddis. U “huma u jieklu ħa f’idejh il-ħobż u qal ħudu dan hu ġismi.” (Mk 14:22) U meta xorbu qalilhom “dan huwa demmi, id-demm tal-patt li jixxerred għal ħafna.” (Mk 14:24) Mela aħna qegħdin nagħmlu festa għal din ir-realtà kbira li ħallielna Ġesù, il-Ġisem u d-Demm tiegħu ħaj, imma l-kuntest jibqa’ l-ikla tal-aħwa li jħejji l-Mulej u fl-istess ħin is-sagrifiċċju li joffri għall-fidwa tagħna.

Jiena ma nistax noffrilkom din l-ikla minn fuq l-iscreen tat-televixin, avolja hu ta’ ferħ kbir għalija li naf li hemm diversi li qegħdin isegwu din il-quddiesa permezz tax-xandiriet tagħna. Imma bħalma ġieli smajtuni ngħid: jiena nista’ nsegwi l-programmi kollha li joffru l-aqwa ikel tad-dinja, imma billi narahom mhu ħa niekol xejn. U nista’ nagħmel ħajti kollha nsegwi l-programmi kollha ta’ kif nagħmel l-aqwa nbid, imma minn fuq l-iscreen ma nista’ nixrob qatt tazza nbid tajba.

U Ġesù, li ħejja, mhuwiex spettaklu li nista’ narah fuq it-televiżjoni. Insegwih mill-bogħod għax ma nistax nagħmel mod ieħor, bħalma ġralna fil-COVID-19. Imma dik mhijiex in-normalità li jixtieq Ġesù għalina. Illum jistedinna biex miegħu nagħmlu l-ikla tal-ħelsien tagħna, tal-għaqda ta’ bejnietna, tal-barka li fuqna ġġib tassew id-dehen, il-ħniena, is-saħħa ta’ veru, l-għaqda u s-sliem. 

Illum irridu nifhmu li meta aħna ngħidulu li għandna bżonnu qed nirrealizzaw li għandna bżonn ukoll li niltaqgħu miegħu fl-ikla li ħejja għalina. Tagħmel sens jekk inti ma tistax, issegwi l-quddiesa minn fuq it-televiżjoni, imma l-istedina tibqa’ stedina miftuħa, li int tissieħeb magħna u tieħu sehem fit-tqarbin.

Tgħidli “li m’iniex dehen, ma jistħoqqlix.” Hu l-isqof l-ewwel wieħed li qabel jitqarben jiddikjara lilu nnifsu “qaddej ta’ Alla mingħajr ma jistħoqqlu” (ir-rit tal-quddiesa). L-istedina tiegħi ngħidhielkom bl-Ingliż: ‘Join the club’ ta’ nies li ma jistħoqqilniex li nirċievu lill-Mulej. U nirrepetu qabel it-tqarbin it-talba li qanqlet, li kkommoviet lil Ġesù, it-talba taċ-ċenturjun: “Ma jistħoqqliex li inti tiġi għandi, imma għid kelma waħda biss u ruħi tfiq. Il-qaddej tiegħek ifiq.”

L-Ewkaristija, bħalma jħobb jirrepeti l-Papa Franġisku, “mhijiex ir-rigal għat-tajbin imma hi l-ħobż tal-pellegrini” – panis viatorum – għalhekk vjatku, għax il-ħobż ta’ dawk mexjin fit-triq tal-ħajja, daqqa nogħtru minn hemm u daqqa niżolqu minn hawn. U hi l-mediċina ta’ min għandu bżonnha u jifhem li hu marid: “jiena ġejt tabib għal dawk li jifhmu li għandhom bżonn il-fejqan.”

Allura nitolbu lill-Mulej li jagħmilna denji. Hu jagħmilna denji li nieħdu sehem f’din il-mejda li ħejjilna u nifhmu li fl-istedina li qed jagħmlilna hemm diġà barka kbira: “henjin huma dawk mistiedna” (ir-rit tat-tqarbin).  Mhux li huma denji imma dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Aktar ritratti