L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dan ir-raġel li ltaqa’ ma’ Ġesù kien raġel tassew twajjeb; kien raġel għani, kif jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Mark li għadu kemm qara Fr Andrew. Imma kellu wkoll l-għatx għall-ħajja ta’ dejjem. “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mk 10:17). Donnu dan ir-raġel, għalkemm kien raġel li kellu ħafna flus, kellu x’aktarx għelieqi u ġid, kien jaf li din il-ħajja mhux għal dejjem, hemm ħajja li ma tispiċċa qatt, il-ħajja ta’ dejjem.
Dan hu l-għerf li jgħallmuna n-nanniet. Illum qegħdin niftakru fin-nanniet; almenu f’Malta u Għawdex illum hu l-jum iddedikat lin-nanniet. Hu dan l-għerf li jgħallmuna n-nanniet tagħna. Hu l-għerf li jsemmi s-Salm sabiħ li smajna llum, is-salm 89. “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna sabiex aħna nimxu bil-għaqal” (S 89:12). X’jiġifieri li tgħodd il-jiem ta’ ħajtek? Inti ma tafx liema hi l-aħħar waħda. Tista’ tkun mustaċċun, ma tafx kemm għad baqagħlek, meta ħa jagħlaqlek iċ-ċens kif ngħidu, ma tafx.
Li titgħallem tgħodd il-jiem ta’ ħajtek ifisser li tapprezza li kull jum hu prezzjuż. Kull jum hu prezzjuż biex tgħid lil xi ħadd li tħobb, kemm tħobbu; li min tafdah, kemm il-fiduċja tiegħu iġġiblek faraġ; li tgħid grazzi; li tgħid aħfirli. Ngħoddu jiem ħajjitna! Napprezzawhom. Għaliex hemm numru, mhumiex għal dejjem il-jiem ta’ ħajjitna hawn hekk, imma hemm ħajja li hi bla tmiem, li hi f’idejn Alla.
Ġesù jiggwidah lil dan ir-raġel twajjeb u għani. Jgħallimna li l-ewwel nett biex ngħixu tajjeb u jkollna l-ħajja ta’ dejjem irridu inħobbu tassew lil xulxin. Ġesù jfakkru fil-kmandamenti li jolqtu l-imħabba lejn il-proxxmu. “Inti tafhom il-kmandamenti” jgħidlu u jsemmilu il-kmandamenti – mhux l-għaxra kollha jsemmi Ġesù – isemmi l-kmandamenti li jolqtu lil-proxxmu: “la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tigdibx, la tqarraqx” (Mk 10:19). Meta inti tittratta ’l ħaddieħor ta’ nies, inti għandek imbexxaq diġà l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem.
Ngħoddu jiem ħajjitna!
U l-ieħor qallu: “Jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti” (Mk 10:20), ara kemm kien raġel tassew twajjeb. U Ġesù imma jagħmillu sfida – qed jagħmilha lilna wkoll, l-aħwa, mhux lil dawk biss li qed isejjaħ biex ikunu qassisin, sorijiet u patrijiet – lilna lkoll. Ħa nippruvaw nifhmu x’jgħidlu Ġesù. L-ewwel nett “Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba (Mk 10:21) bħalma jagħmel fuq kull wieħed u waħda minna. Ġesù, meta jħares lejna, ma jħarisx biċ-ċiera; il-ħarsa tiegħu hi ta’ mħabba. Jafna iżjed milli nafu lilna nfusna, jaf b’xi taħwida ’l hawn u ’l hemm li għamilna, jaf ukoll kemm nixtiequ ngħixu ħajja tajba. Mhux dejjem jirnexxielna imma nixtiequha din.
Il-Mulej iħares lejna b’simpatija, iħares lejna b’ħarsa ta’ mħabba u jgħallimna lezzjoni diffiċli. Dak li għandek lest taqsmu ma’ ħaddieħor? Lil dan iż-żgħażugħ twajjeb għamillu sfida kbira. “Bigħ li għandek u agħtih lill-foqra” (Mk 10:21). U dan ħa qatgħa bħalma nieħdu aħna wkoll, kieku. Dan kellu ħafna xi jbigħ imma ma qallux: “Ħa nagħmlu hekk, sinjur, nagħmel nofs għall-foqra u nofs għal tal-familja”. Baqa’ għaddej, baqa’ sejjer. Imma jaħasra mar “B’qalbu sewda” (Mk 10:22).
Issa, meta naħsbu f’din il-kelma ta’ Ġesù mhix biss għall-qassisin u għall-patrjiet u għas-sorijiet imma għal kull wieħed u waħda minna. Għax mhux biss għandna bżonn fil-ħajja nittrattaw ’l proxxmu bi mħabba – il-kmandamenti li semma’ Ġesù – imma wkoll li nitgħallmu naqmsu ħajjitna mal-oħrajn, mhux kollox għalija. Dan irid iżomm – jaħasra kien raġel tajjeb – ried iżomm kollox għalih, parpar ’l hemm b’qalbu sewda, b’qalbu sewda.
Mhux biss għandna bżonn fil-ħajja nittrattaw ’l proxxmu bi mħabba – il-kmandamenti li semma’ Ġesù – imma wkoll li nitgħallmu naqmsu ħajjitna mal-oħrajn, mhux kollox għalija
Kont qed naħseb: min jiżżewweġ pereżempju jibqagħlu xi ħaġa għalih? Mhux kollox għall-mara u għat-tfal, jew inkella għar-raġel u t-tfal, skont min tkun? Tgħidli x’jiġifieri? Kemm sagrifiċċji jagħmlu l-miżżewġin! Meta tkun ġuvni jew xebba mod, tmur fejn trid, tilbes li trid. Niftakar ’l missieri ’l ommi kien jgħidilha: ‘Karm, x’se nilbes?’ għax jekk jilbes xi ħaġa ma togħġobhiex ma joqgħodx bi kwietu. U kont ngħid: ‘Ara naqra missieri!’ Imma mbagħad hi kienet tgħidlu: ‘Lel, x’se nsajru?’ għax inkella… U inti tgħid, ara naqra l-imħabba fiż-żwieġ!
U kemm jagħmlu pjanijiet in-nanniet. Issa la nirtira taf kemm se jkolli delizzji mbagħad jiġu n-neputijiet u addio delizzji. Ikollok mhux tbigħ, kultant ikollhom ibigħu dak li jkollhom ukoll, veru bħalma qal Ġesù: “Mur bigħ li għandek” u minflok… Jiġifieri nieqfu ftit u naħsbu Ġesù x’qed jgħidilna u l-fatt li aħna f’ħafna ċirkustanzi tal-ħajja mingħajr ma nafu qed nitgħallmu li fl-imħabba ma tistax iżżomm kollox għalik.
Immaġina min għandu l-mard id-dar u jrid jonfoq balla ewro għall-mediċini jew għall-kura speċjalizzata. Tista’ tagħmel pjanijiet li tmur cruisesfuq il-Mediterran u tiekol kulma jġibulek quddiemek! Għax kulma jkollok jispiċċa. U tgħidli: “Imma x’nagħmel, Father? Ma nagħmilx li hemm bżonn?” U inti tkun qed tgħidli: “Mhux hekk titlobni l-imħabba?”
Kemm jagħmlu pjanijiet in-nanniet. Issa la nirtira taf kemm se jkolli delizzji mbagħad jiġu n-neputijiet u addio delizzji.
Nirringrazzjaw lil Alla ta’ kemm għandna nies fostna qaddisin – mhux bilfors iduru bir-raġġiera bħal San Franġisk hawnhekk, dak imbagħad wara tawhielu wkoll – imma li f’ħajjithom mhux biss obdew il-kmandamenti, ħadd ma jfaħħarhom dawn, imma taw ħajjithom, kulma kellhom. Xebba tieħu ħsieb lil ommha billejl u binhar, ġuvni jiddedika ħajtu għall-familja għax għandu xi ħadd fil-familja għandu bżonn għajnuna speċjali, kemm nies jagħtu ħajjithom u ma nafux bihom. Imma Alla, li jħares fuqna bil-ħarsa tal-imħabba, jaf.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 7:7-11
Salm: 89(90):12-13,14-15,16-17
Qari II: Lhud 4:12-13
Evanġelju: Mk 10:17-30