L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-konfront ma’ Ġesù isir tassew qalil u ma jaħbix il-fatt li bil-mod il-mod kienet riesqa s-siegħa tiegħu.
L-Ewwel Qari li jitkellem dwar il-patt ta’ Alla ma’ Abraham jippreparana għal dak kollu li smajna fl-Evanġelju għaliex il-Lhud jippreżentaw ruħhom bħala wlied Abraham. Imma Ġesù stess jagħtihom x’jifhmu li, li jkunu wlied Abraham ifisser li mhux biss jagħrfu lil Alla, imma wkoll jaraw is-sinjal tal-preżenza tiegħu. Jifhmu li hu mibgħut mill-Missier biex mhux biss iħejji poplu għall-konverżoni imma wkoll iħabbar is-saltna tal-Missier: “Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, hu rah u feraħ” (Ġw 8:56).
Ma naqtgħux qalbna imma fis-silenzju li dawn iċ-ċirkustanzi qed joffrulna fil-mumenti ta’ riflessjoni li jiġu bla ma trid, ejjew ukoll nħaddnu tama qawwija fil-Mulej
Il-Lhud jirreżistu lil Ġesù u dawn l-konfronti li aħna nsibu fil-kapitlu 8 ta’ San Ġwann, huma konfronti ta’ qsim il-qalb. Tajjeb li aħna nagħmlu eżami ta’ kuxjenza u nifhmu jekk aħniex ukoll parti minn dawk li qed jagħmlu reżistenza lil Ġesù. Ġesù, meta jitkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-Missier, relazzjoni tant intima, ma jitkellimx biss dwar l-għarfien imma jitkellem ukoll dwar l-ubbidjenza “Jiena nagħraf il-Missier u nagħmel ukoll dak li jgħidli” (ara Ġw 8:55).
Aħna fiex aħna fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla li Ġesù għallimna nsejħulu Missierna? Nagħrfuh tassew? Inqimuh bħala Alla veru tagħna? Jew qalbna tajnieha lil allat foloz oħra jew lil allat foloz li mhumiex Alla veru? Aħna li nagħrfu lil Alla li t-tradizzjoniet tagħna jgħallmuna min hu, min hu Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, nisimgħuh lil Alla?
F’dan iż-żmien ikolli ngħid għandna opportunità kbira straordinarja biex aħna nisimgħu iżjed lill-Mulej. Ma naqtgħux qalbna imma fis-silenzju li dawn iċ-ċirkustanzi qed joffrulna fil-mumenti ta’ riflessjoni li jiġu bla ma trid, ejjew ukoll nħaddnu tama qawwija fil-Mulej għaliex il-Mulej, bħalma għedna fis-Salm: “Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu” (S 104:8). U l-patt tiegħu huwa patt ta’ mħabba.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 17, 3-9
Salm: 104 (105), 4-5.6-7.8-9
Evanġelju: Ġw 8, 51-59