L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dan il-bniedem kien tassew bin Alla!” Dan kien il-kliem li qal iċ-ċenturjun li kien hemm ħdejn Ġesù msallab, fil-konklużjoni tal-passjoni tiegħu, hekk kif Ġesù miet. Dan hu l-messaġġ importanti li jrid iwasslilna l-Evanġelista San Mark fl-Evanġelju tiegħu: li Ġesù li kien bin Alla għadda minn din il-passjoni kollha, biex lilna jsalvana, biex lilna jagħtina l-ħajja.
Il-passjoni tolqtok bħala storja mimlija ħażen. Dak kollu li hu ħażin qisek issibu hemmhekk fil-passjoni: il-vjolenza, il-mibegħda, ix-xhieda falza, it-tgħajjir, iż-żufjett, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem – kollha ssibhom fil-passjoni ta’ Ġesù. Minn dan għadda Ġesù biex isalva lili, lilek u lil kull wieħed u waħda minna. Kienet din l-imħabba kbira tiegħu li wrihielna sal-aħħar. Aħna, għalhekk, għandna nkunu grati lejh għall-imħabba kbira li wriena speċjalment fil-passjoni u l-mewt tiegħu. Aħna nafu li dan kien il-passaġġ iebes biex Ġesù mbagħad, wara li jmut, iqum mill-mewt. F’din il-Ġimgħa Mqaddsa aħna se niċċelebraw din il-ġrajja li twassalna għal Kristu Rebbieħ fuq il-mewt.
Nixtieq li nirriflettu fuq dettall wieħed f’din il-passjoni, li hu proprju meta Ġesù kien quddiem Pilatu, u kien hemm ukoll il-folla tan-nies. Pilatu tahom għażla lin-nies: lil min iridu li jeħilsilhom. U n-nies għażlu lil Barabba, li kien wieħed minn grupp ta’ ribelli li kienu qatlu; u għal Ġesù qalulu “sallbu”.
Dan hu l-messaġġ importanti li jrid iwasslilna l-Evanġelista San Mark: li Ġesù li kien bin Alla għadda minn din il-passjoni kollha, biex lilna jsalvana, biex lilna jagħtina l-ħajja.
Tolqotna kif din il-folla tgħajjat “sallbu”, meta ftit qabel, kif smajna fl-Evanġelju fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, il-folla li ssieħbet ma’ Ġesù hu u dieħel Ġerusalemm għajtet: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!” Dan kif f’mument wieħed il-folla tgħajjat “Hosanna”, u f’mument ieħor tgħid “sallbu”?
Aħna nafu li folla ddur hekk hi esperjenza li tiġri – nafuha mill-istorja tal-umanità. Imma l-Papa Benedittu XVI għandu riflessjoni interessanti fil-ktieb tiegħu fuq Ġesù ta’ Nażaret, fejn hu jispjega li l-folla li kien hemm ma’ Ġesù meta daħal Ġerusalemm mhijiex l-istess folla li kien hemm tgħajjat “sallbu”. Il-folla ta’ nies madwar Ġesù hu u dieħel Ġerusalemm kienu dawk id-dixxipli tiegħu u oħrajn mexjin warajh. X’ġara? Fil-mument ta’ prova, dawn sparixxew. Telqu, abbandunawh. Mill-banda l-oħra, kien hemm il-folla tan-nies, partitarji ta’ Barabba jew ta’ dak li kien ifisser Barabba, li għal Ġesù qalu “sallbu”. Meta dawk qrib tiegħu telquh, baqa’ biss il-folla ta’ dawk li jgħidu “sallbu”.
Għalhekk, aħna u nidħlu għal din il-Ġimgħa Mqaddsa, it-talba tagħna hi li aħna qatt ma nabbandunaw lil Ġesù, is-Salvatur tagħna, dak li hu tassew bin Alla, imma li aħna nibqgħu dejjem qrib tiegħu. U nitolbuh ukoll biex aħna qatt ma nsiru parti minn folla li flok ma tfaħħar u tqim lilu, twarrbu. Nitolbuh li aħna qatt ma nħallu lill-folla, jiġifieri n-nies madwarna – dawk li kultant insejħulhom “il-parti kbira tan-nies” – lilna jbegħduna minn Ġesù. Għax, kif rajna fil-qari tal-passjoni, il-folla mhux dejjem għandha raġun, imma Ġesù hu dak li lilna jurina t-triq tal-ħajja għax hu “tassew bin Alla”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju