-
-
Bħalissa, f’id-Dar tal-Providenza għaddejja d-9 edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball BOV Marigold, li bdiet nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju, u tintemm illejla.
Kif inhi l-użanza f’dan iż-żmien tas-sena, għal 53 siegħa, il-parkeġġ tal-karozzi fid-Dar tas-Siġġiewi nbidel f’padiljun tal-volleyball u f’żona ta’ divertiment għall-maratona annwali tal-ġbir ta’ fondi bit-tema Sabiħ li Tagħti.
Aktar minn 300 voluntier qed jiddedikaw il-ħin u l-isforzi tagħhom biex jiġbru l-flus għal din il-kawża ġusta. Il-plejers ilhom għaddejjin minn reġim ta’ taħriġ estremament eżiġenti u ta’ għeja għal aktar minn xahrejn, minkejja l-impenji tagħhom lejn ix-xogħol u l-familja.
Waqt il-ftuħ tal-maratona, Father Martin Micallef wera r-rikonoxximent tiegħu lill-pubbliku ġenerali għall-appoġġ kontinwu tiegħu, li huwa l-forza li jżomm id-Dar għaddejja. “Ninsabu onorati bl-appoġġ tal-pubbliku, li l-prova tanġibbli tiegħu ngħatat matul ix-xandira ta’ Xarabank tal-Ġimgħa li għadda meta nġabret is-somma ta’ EUR 355,353. Din is-somma se tiżdied mad-donazzjonijiet li se nirċievu matul din il-Maratona.” Father Martin enfasizza l-istadji importanti reċenti fl-iżvilupp tad-Dar, inkluż il-pixxina terapewtika l-aktar avvanzata li ġiet inawgurata s-sena li għaddiet u li diġà hija integrata fit-terapija tar-residenti, u d-djar fil-komunità fis-Siġġiewi u fiż-Żurrieq, fejn ir-residenti qed jgħixu ħajja aktar indipendenti bħala membri integrali tal-komunità. Huwa semma wkoll id-Dar fil-Balluta u l-installazzjoni ta’ ħames liftijiet bħala proġetti importanti biex jitwettqu fil-futur qarib.
Il-maratona se tibqa’ għaddejja sal-Ħadd filgħaxija, 2 ta’ Lulju, fil-grawnds tad-Dar innifisha. Minbarra li jappoġġjaw lill-plejers li se jkunu qed jilagħbu l-volleyball, il-viżitaturi jistgħu jgawdu xi ftit mill-aqwa talent Malti. Il-maratona qed tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni TVM, TVM2, NET TV u One TV.
Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru bit-telefon fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u fuq 51802013 għal donazzjoni ta’ €25. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu wkoll jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834. Hemm ukoll il-linja għall-pledges fuq 2146 1537.
-
-
Ritratti: Id-Dar tal-Providenza