L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju” (Ġw 2:16) Dan hu li qal Ġesù dak inhar li daħal fit-tempju u għamel xi ħaġa li baqgħet tissemma fost in-nies – tant hu hekk li huma l-erba’ evanġelisti li lkoll jagħtuna r-rakkont ta’ din il-ġrajja. Ġesù daħal fit-tempju u beda jkeċċi lil dawk li kienu qed ibigħu l-annimali għas-sagrifiċċju u jaqleb l-imwejjed u jxerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu l-flus, u qalilhom: “Dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju”.
Kienet okkażjoni unika dak iż-żmien. Ħadd ma kien jagħmel xi ħaġa hekk. U għalhekk qam ħafna agħa. Imma kienet okkażjoni fejn Ġesù ried jagħti messaġġ qawwi lin-nies ta’ żmienu u lilna lkoll.
Nixtieq li naħsbu ftit fuq dan il-kliem ta’ Ġesù: “Dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju”.
Id-dar
L-ewwel nett Ġesù qed isejjaħ it-tempju “Dar Missieri”. Kellu ħeġġa kbira għal din id-dar, kif jgħid l-Evanġelju: “il-ħeġġa għal darek fnietni” (Ġw 2:25). Għax għalih it-tempju kien il-post fejn int tmur biex tiltaqa’ ma’ Alla.
Illum dan hu messaġġ qawwi għalina. It-tempju hu l-knisja, din hi d-dar ta’ Alla. Fil-knisja aħna niġu biex niltaqgħu ma’ Alla, biex inqimuh, infaħħruh, nirringrazzjawh, nisimgħu l-kelma tiegħu u nitkellmu miegħu bil-qalb, u ninġabru flimkien bħala l-familja tiegħu. Tajjeb li aħna niftakru li meta niġu l-knisja hekk qed nagħmlu. Għalhekk il-knisja hi din id-dar speċjali, u għandu dejjem ikollna l-ħeġġa biex niġu f’din id-dar. Għandna nirrispettaw din id-dar tassew bħala d-dar ta’ Alla u ma nħallu xejn jaljenana. Anke l-affarijiet sbieħ li l-knisja għandha biex isebbħuha ma għandhomx ikunu għalina aljenazzjoni u jfixkluna milli niltaqgħu tassew ma’ Alla u flimkien inqimuh.
In-negozju
Jgħid Ġesù “…tagħmluhiex dar tan-negozju”. Dak inhar li mar fit-tempju beda jkeċċi lil dawk li kienu qed ibigħu l-annimali u jaqleb l-imwejjed ta’ dawk li kienu jsarrfu l-flus għax kienu qed jagħmlu negozju.
X’kienu qed jagħmlu ħażin? Kienu qed jipprofanaw it-tempju? Le. Irridu niftakru li dawk ma kinux hemmhekk biex jipprofanaw it-tempju. Kienu hemm għal skop, u għalihom kien skop tajjeb. Kienu hemm biex jipprovdu lin-nies l-annimali għas-sagrifiċċju u jsarrfu l-flus biex jistgħu jużawhom bħala offerta li tintlaqa’ fit-tempju. Kien hemm, naturalment, fost dawn uħud li n-negozju kienu jagħmluh serq, imma mhux din kienet ir-raġuni għaliex kien hemm din id-drawwa li jkunu fit-tempju.
Li ġara kien li biex jagħmlu dan, kienu qed itellfu għal kollox minn dak li kien l-iskop proprju tat-tempju. Spiċċaw jagħmlu negozju. Imma hemm ukoll ħaġa oħra. Mhux biss in-negozju fil-bejgħ fit-tempju, imma r-reliġjon stess saret forma ta’ negozju. Saret tixbah lir-reliġjon tal-pagani: lil Alla tagħtih xi ħaġa biex hu jagħtik xi ħaġa. Tagħmillu offerta biex iġġib il-favur tiegħu. Turih qima biex tassigura għalik għajnuna minnu.
Ġesù ried mhux biss jippurifika t-tempju, imma wkoll din il-mentalità. Ried inaddaf il-moħħ u l-qalb tan-nies minn reliġjon li hi negozju. Ried juri li ma’ Alla ma hemmx bżonn negozju: tagħtih biex jagħtik, twiegħdu xi ħaġa biex taqla’ xi ħaġa. Le, Alla hu mħabba, hu dejjem jagħti l-ewwel, hu dejjem ifittex il-ġid tal-persuna. Nersqu lejh mhux biex nipperswaduh imma biex nirċievu mingħandu d-doni tiegħu, nilqgħu l-barkiet tiegħu bi gratitudni kbira.
Għalhekk Ġesù qed jgħid: tagħmlux din id-dar post ta’ negozju, u tagħmlux il-prattika tar-reliġjon tip ta’ negozju ma’ Alla.
Barra
Fl-aħħar tal-Evanġelju tal-lum hemm dik is-sentenza importanti li tgħid għal Ġesù li “hu stess kien jaf x’hemm fil-qalb tal-bniedem” (Ġw 2:25). Nixtieq li niftakru li meta aħna niltaqgħu fil-knisja, u nirrispettaw il-knisja bħala d-dar ta’ Alla fejn aħna niltaqgħu miegħu, l-iskop mhuwiex li nħallu għal hawn ġew biss il-qima lil Alla u l-prattika tal-fidi tagħna.
Anzi, nilħqu l-iskop ta’ hawn ġew meta aħna noħorġu ’l barra, u meta dak li niċċelebraw hawn ngħixuh imbagħad ’il barra mill-bieb tal-knisja, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Biex dak li nqimu hawn, lil Alla, inqimuh ukoll fil-ħajja ordinarja ta’ kulum fir-relazzjoni mal-persuni li maħluqa xbieha tiegħu.
Hawnhekk aħna nimtlew bl-imħabba ta’ Alla. Hu jagħtina l-enerġija u l-għajnuna li għandna bżonn f’ħajjitna, biex nistgħu ngħixu din l-imħabba tiegħu kuljum. Smajna fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Eżodu, il-kmandamenti ta’ Alla, li tant huma importanti għal ħajjitna. Dawn mhumiex sempliċiment suġġerimenti imma huma kmandamenti li jagħtuna d-direzzjoni neċessarja għall-ħajja tagħna biex nistgħu ngħixu fl-imħabba ta’ Alla u tal-oħrajn. Huma kmandamenti intenzjonati biex nistgħu ngħixu ħielsa, u għalhekk jibdew: “Jiena l-Mulej Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar” (Eż 20:2). Meta nifhmu sew il-kmandamenti, naraw kemm huma ta’ ġid għas-soċjetà biex nistgħu ngħixu flimkien ħajja ta’ nies.
Nitolbu lill-Mulej biex il-kelma tiegħu tinżel f’qalbna, biex niġu hawnhekk fil-knisja bil-qalb u bil-ħeġġa fid-dar tiegħu, nimtlew bl-imħabba li hu jagħtina, ħalli nistgħu ngħixu dan li niċċelebraw hawn kull jum tal-ħajja tagħna, kulfejn inkunu, ’il barra mill-bibien tal-knisja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju