Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 Caritas Malta kellha twaqqaf id-dħul ta’ nies fid-djar ta’ rijabilitazzjoni mid-dipendenza fuq id-droga li ġab tħassib serju dwar kif dawn il-persuni u qrabathom se jagħmlu mingħajr dan ir-refuġju, anke fid-dawl li ħafna mis-servizzi li jagħmlu użu minnhom dawn il-persuni ġew limitati.
Wara ġimgħat ta’ ħidma intensiva b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati, f’dawn l-aħħar jiem l-ewwel tliet persuni ġew aċċettati f’San Blas wara perjodu ta’ ġimagħtejn kwarantina f’Dar Charles Miceli fil-Mosta.
Għal dawn l-aħħar sentejn Dar Charles Miceli, iċ-ċentru ta’ Caritas Malta ta’ aftercare, serva biex jilqa’ persuni li temmew il-mixja tagħhom fi programm residenzjali, u jgħinhom jintegraw lura fis-soċjetà. Din id-dar tat servizz lil madwar 200 persuna fis-sena, li sabu sapport 24/7 mit-Tnejn sal-Ħadd u fuq kollox serva ta’ hub soċjali għal dawn il-persuni.
Joshua Aquilina, il-Kordinatur tal-programmi ta’ rijabilitazzjoni tal-Proġett Tama Ġdida, spjega li filwaqt li s-servizzi ta’ Aftercare li tipprovdi Dar Charles Miceli għadhom qed jiġu pprovduti b’mod addattat għal-COVID-19; issa d-Dar qed tipprepara wkoll lil dawk li jixtiequ jagħmlu programm residenzjali. Dan isir billi persuna tinżamm ġimagħtejn kwarantina qabel jidħlu San Blas. Kull ġimagħtejn ikunu jistgħu jidhlu tliet persuni ġodda li għandhom bżonn is-servizz.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li wara diversi ġimgħat ta’ laqgħat u ppjanar wasalna biex nagħtu dan is-servizz b’rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet u bi proċeduri li jipproteġu l-klijenti u lill-istaff. Dan kollu biex inkunu strument li nerġgħu nagħtu dinjità li tixraq lil dawn l-individwi u li meta se jħabbtu l-bieb tagħna jerġgħu jsibuh miftuħ,” qal Aquilina.
L-esperjenza tat-tliet residenti li għamlu l-kwarantina
Resident 1
Ftit xhur ilu rġajt mort inħabbat il-bieb ta’ Caritas wara 19-il sena li kont waqaft mill-użu tad-droga. Bil-bibien miftuħa u tgħanniqa għal darb’oħra reġgħu laqgħuni minnufih. Waqaft nuża għal perjodu ta’ ġranet. Kelli data fissa biex nidħol San Blas nagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni, iżda faqqgħet il-pandemija u bħalma jaf kulħadd waqaf kollox.
Xorta bqajt clean. Kelli tama li għad jgħaddi kollox u nidħol. Iżda l-pandemija baqgħat tinfirex u ġara li bil-ħila ta’ ħafna staff u membri ta’ Caritas iddeċidew li parti mid-Dar Charles Miceli tintuża għal kwarantina.
Jien flimkien ma’ tnejn oħra ntgħażilna biex nibdew nippreparaw għal programm. Kienet sfida kbira għal kulħadd u lkoll konna ninsabu b’tip ta’ stress sakemm bdiet taħdem l-istruttura.
Sintendi matul dawn il-ħmistax ħarġu diversi emozzjonijiet li drabi oħra konna mill-ewwel naraw kif se naħarbu minnhom billi nduru għad-droga. Hawn f’din id-dar sibna ħafna għajnuna. Bdejna nitgħallmu kif għandna naffaċċaw ir-realtà u ngħelbuha bil-ħsieb. Naħdmu kif nistgħu nirranġaw u ma mmorrux lura, nimxu ’l quddiem. Dan għalija huwa t-tieni pass ta’ mixja twila. Sirna nafu iktar lil xulxin u persważ li flimkien id f’id nistgħu nkunu ta’ appoġġ għal xulxin u naslu biex nilħqu l-għanijiet tagħna.
Grazzi lil kulħadd.
Resident 2
What started as a time in our life full of anxiety, turned out to be a great experience and a two-week journey of preparation for San Blas and one of friendship.
The time we were in quarantine passed by far much quicker than expected as we had a well-balanced structure, one of learning, time to get to know one another, be in a community and we were a team. We cannot thank the staff enough for all the preparation, dedication and the hard work they have done for us especially in this difficult time. Not forgetting the great food they cooked for us.
A message for all the persons out there seeking help: call if you are in need. The first step is the hardest, but the support you will find here will help you get through the tough times you are having.
Resident 3
Il-ħmistax li għamilt hawn nista’ ngħid li kienu tajbin. Sitt xhur qabel dħalt hawn, kont qed inqattagħhom id-dar. Spiċċajt bla xogħol, ma nagħmel xejn u mingħajr skop. Għallinqas hawn kelli struttura, sibt żewġ residenti oħra li għaddejna mumenti sbieħ flimkien u staff li stajna niftħu qalbna miegħu. Konna stmati tajjeb ħafna rigward ikel u affarijiet bżonjużi ta’ kuljum. Xi ftit mumenti diffiċli kelli wkoll, bħal meta timmissja lil tad-dar jew jiġu ġranet u forsi jkollok nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-bqija bħala struttura naħseb li hija tajba u ideali ħafna għal min ikun għadu dieħel minn barra. Nixtieq nirringrazzja lill-istaff u r-residenti l-oħra għall-għajnuna li tawni waqt il-mumenti diffiċli li kelli.
Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, esprima apprezzament għal kull min ta’ sehmu f’dan is-servizz, “Nirringrazzja lill-Ministru Michael Falzon u l-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali li kkontribwixxa fondi għall-operat ta’ Dar Charles Miceli sa mill-bidu tal-ftuħ ta’ din id-dar – fondi li ssarrfu f’għajnuna kruċjali għal għexieren ta’ persuni li llum sabu posthom fis-soċjetà.”
Semma’ wkoll l-appoġġ tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, id-Direttorat tas-Saħħa Pubblika, u l-benefatturi għas-sostenn finanzjarju u materjali li għen fl-addattament tal-post għall-kwarantina. “Finalment grazzi kbira lill-istaff kollu li ħadem id f’id, b’mod dedikat u għall-flessibbilità li wera biex jingħeleb l-ostaklu li ħolqot il-COVID-19,” qal id-Direttur ta’ Caritas, li wera x-xewqa li s-servizz u l-esperjenzi tar-residenti ġodda jnisslu tama ġdida lil dawk li fiċ-ċirkostanza tal-COVID-19 kienu qed jaraw biss ħajt u ostakli, biex jagħmlu pass ’il quddiem f’ħajjithom. Wieħed mill-kunċetti fil-programm itenni li ‘vjaġġ ta’ elf mil jibda bl-ewwel pass’.
Caritas Malta tawgura s-saħħa u l-kuraġġ lill-persuni li waslu biex taw l-ewwel pass.