L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Kien 322 sena ilu bħal-lum meta din il-knisja ġiet ikkonsagrata, u minn dak iż-żmien bqajna dejjem niċċelebraw f’din il-ġurnata l-anniversarju tal-konsagrazzjoni tal-Katidral.
X’inhu l-iskop ta’ din il-festa tal-konsagrazzjoni tal-Katidral? Nixtieq insemmi tliet punti li jgħinuna nagħrfu l-valur ta’ din il-festa għal ħajjitna.
Bini qaddis
L-ewwel nett, dan hu bini qaddis. Aħna nidħlu fil-knisja biex niltaqgħu mal-Mulej. Nidħlu biex inqimuh, biex nisimgħu l-kelma tiegħu, biex qalbna tkun mal-qalb tiegħu u, timtela bl-imħabba tiegħu, u biex nitkellmu miegħu u niftħu qalbna miegħu – miegħu naqsmu l-esperjenzi differenti tal-ħajja tagħna.
Hawnhekk niċċelebraw l-Ewkaristija, l-aqwa u l-isbaħ talba, il-preżenza reali tal-Mulej li jingħata għalina – lilu nqimu u lilu nirċievu. Dan il-post huwa qaddis, imma mhux biss għax il-bini hu qaddis imma għax dal-bini kkonsagrat biex jgħaqqadna flimkien proprju mal-Mulej, il-Qaddis, il-Mulej li jqaddisna.
Ġebel ħaj
Hawnhekk niġu wkoll biex ninbnew bħala l-familja ta’ Alla. Kif smajna lil San Pietru fil-qari tal-lum: “Intom ukoll, bħala ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali” (1 Pt 2:5). Jekk naraw il-knisja, ġebla fuq ġebla tifforma knisja sabiħa. Bħalma l-ġebel jiffurmaw dan it-tempju, hekk aħna msejħin biex inkunu ġebel ħaj biex niffurmaw il-Knisja li hija l-familja ta’ Alla. Għalhekk, kull darba li nidħlu hawn mhux biss inħarsu lejn is-sbuħija ta’ dal-post, imma nagħrfu wkoll dil-missjoni li għandna aħna li nkunu dan il-ġebel ħaj.
Dan il-post hu wkoll partikulari għax l-Isqof għandu l-katedra tiegħu f’dil-knisja, fil-Katidral. Hawn nagħrfu kemm hu importanti li bħala ġebel ħaj aħna nkunu magħqudin mar-ragħaj tagħna, l-Arċisqof, li jirrappreżenta lil Kristu f’Malta.
Hawn nagħrfu wkoll li bħala ġebel ħaj, għandna nagħtu kontribut lill-ħajja tal-Knisja, u nħarsu lejn il-Knisja bħala l-familja ta’ Alla fejn aħna għandna nkunu attivi u fl-istess waqt koresponsabbli. Meta nitkellmu fuq il-Knisja, ma għadniex nitkellmu fuqha qisha hi realtà barra minna, imma s-sejħa tagħna hi li naħdmu minn ġewwa u nagħtu wkoll is-sehem tagħna, fejn hemm bżonn, biex tkun ippurifikata u tkun aktar kif iridha Ġesù.
Ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna
Imbagħad hemm punt ieħor importanti li tfakkarna fih il-festa tal-konsagrazzjoni tal-Katidral. Meta aħna niġu f’dan il-post ikkonsagrat, niftakru li kull wieħed u waħda minna ġejna kkonsagrati permezz tal-magħmudija. Aħna msejħin biex ngħixu din il-konsagrazzjoni mhux hawn ġew biss, meta niltaqgħu flimkien fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jew f’mumenti oħra ta’ talb, imma wkoll ’il barra mill-bieb tal-knisja. Hawn ġew aħna nimtlew bil-grazzja u bl-imħabba ta’ Alla, biex imbagħad nistgħu ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna kulfejn inkunu: fil-ħajja tal-familja, fil-ħidma tagħna, fl-ambjenti kollha fejn inkunu.
Kull meta niġu hawn niskopru li ma aħniex imsejħin biex ngħixu hawn ġew biss il-konsagrazzjoni tagħna, imma ngħixuha f’kull qasam tas-soċjetà. Hawn nimtlew bl-enerġija li jagħtina Alla biex nagħrfu ngħixu ta’ kuljum il-konsagrazzjoni tagħna. Għalhekk il-festa tal-konsagrazzjoni tal-Katidral tfakkarna fl-impenn li għandu jkollna biex nagħrfu din is-sejħa li għandna li ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna kuljum, u kulfejn inkunu.
Illum, f’din il-festa tal-konsagrazzjoni tal-Katidral, ngħidu lill-Mulej kif tlabna fis-Salm: “Kemm hi għażiża d-dar tiegħek!” (Salm 84:2). Nitolbuh biex aħna nagħrfu l-valur ta’ dan il-post qaddis, fejn aħna niltaqgħu miegħu u fejn hu jiltaqa’ magħnu u jimlielna qalbna, il-post fejn l-Isqof għandu s-sede tiegħu; nitolbu li aħna nagħrfu kif inkunu ġebel ħaj, speċjalment, fil-Knisja f’Malta; u nitolbuh biex nagħrfu ngħixu kuljum il-konsagrazzjoni li l-Mulej tana permezz tal-magħmudija tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju