Hekk kif jibdew il-Konklavi, il-kardinali mhux se jkunu jistgħu jużaw l-ebda social network, lanqas Twitter, imma sakemm tiġi deċiża d-data, il-kardinali se jibqgħu jaġġornaw is-segwaċi tagħhom b’dak kollu li għaddej waqt il-Kongregazzjoni tal-Kardinali fil-Vatikan.
Wieħed mill-kardinali li qed juża twitter, hu l-eks Arċisqof ta’ Los Angeles, il-kardinal Roger Mahony. Fi kliemu, daqt se tiġi deċiża d-data għall-elezzjoni tal-Papa l-ġdid.
Ftit tas-sigħat ilu, fuq il-profil tiegħu fuq twitter, il-kardinal Mahony kiteb li “fost il-kardinali hemm eċitament kbir”. Ftit qabel kiteb li 115 kardinali eletturi kollha waslu Ruma u hemm bżonn ta’ ħafna talb biex jagħmlu l-għażla t-tajba.
Fi tweet ieħor, il-kardinal Napier tal-Afrika t’Isfel kiteb li minn dak li raha f’dawn l-aħħar jiem, iħoss li hemm xewqa kbira biex isiru jafu iktar jekk jekk il-kardinali li jistgħu jieħdu post Benedittu XVI għandhomx il-kwalitajiet meħtieġa.
Ta’ min isemmi li anke Benedittu XVI kellu profil fuq twitter. Dan kien bdieh fit-12 ta’ Diċembru li għadda u kellu jingħalaq fit-28 ta’ Frar, eżattament kif spiċċa il-Pontifikat tiegħu fit-tmienja ta’ filgħaxija.