-
-
Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Little Sister of the Poor, il-Ħamrun
30 ta’ Awwissu 2018Jeanne Jugan hi qaddisa li għexet fi żminijiet diffiċli. Twieldet fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, fejn kien hemm ħafna vjolenza u faqar. Ħafna minn dawk li kienu jipprattikaw il-fidi kienu mwaqqgħa għaż-żufjett, jew mitfugħa l-ħabs, jew maqtula. Hu f’dan il-kuntest li twieldet Jeanne Jugan. Hi rċeviet formazzjoni qawwija fil-fidi prinċipalment minn ommha, u minn nisa oħra, fil-moħbi u b’riskju kbir.
Biex tkompli żżid mat-tbatija, tilfet lil missierha meta lanqas kellha erba’ snin. Għalhekk kellha tibda taħdem meta kienet żgħira, u l-edukazzjoni tagħha rċevietha mhux fl-iskola imma fil-ħajja ta’ kuljum.
Nixtieq li nħarsu lejn Jeanne Jugan u naraw x’tgħallimna għal ħajjitna llum.
Jeanne Jugan kellha mħabba kbira lejn Alla. Ma kellhiex xi talenti speċjali, imma kellha xi ħaġa speċjali ħafna: qalb kbira, mimlija bl-imħabba lejn Alla. Kienet din l-imħabba li wasslitha biex tħalli d-dar u tgħid lil ommha: ‘Alla jridni għalih. Iridni għal xogħol speċjali’. U din l-imħabba baqgħet issostniha ħajjitha kollha. Jeanne kienet tagħti dan il-parir: lill-Mulej mur u sibu fil-kappella. Meta tħossok bla paċenzja u bla saħħa, jew tħossok waħdek, mur u għidlu: ‘Ġesù, int taf eżattament x’qed jiġri. Lilek għandi. Għinni’. Imbagħad ħalli f’idejh. Hu għandu memorja tajba. Għalhekk Jeanne tgħallimna li Alla hu kollu mħabba, minnu jiġina kull ġid. Ħa nqiegħdu l-fiduċja sħiħa tagħna fih.
Jeanne Jugan tgħallimna li l-ħajja ta’ kull persuna hi sagra.
Jeanne għexet l-imħabba lejn Alla fis-servizz lejn il-fqar, u speċjalment lejn l-anzjani u dawk waħedhom. Fihom kienet tara lil Kristu, li qal: “Dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti tkunu qed tagħmluh miegħi.” U sabet is-sejħa tagħha proprju meta ġurnata minnhom f’lejla kiesħa xitwija daħlet id-dar tagħha mara anzjana li kienet għamja u ma kellha lil ħadd min jieħu ħsiebha u qegħditha biex tistrieħ fis-sodda tagħha u hi marret torqod f’kamra oħra. Minn hemm bdiet il-missjoni tagħha mal-anzjani u dawk abbandunati. Bdew ġejjin nisa oħra żgħażagħ biex jgħinuha, u twieldet komunità reliġjuża li bil-mod il-mod inxterdet ma’ Franza u mad-dinja kollha. Jeanne Jugan tgħallimna li l-ħajja ta’ kull persuna hi sagra. Għandha tkun imħarsa f’kull mument tagħha u tibqa’ dejjem ħajja b’dinjità; anzi min hu l-iktar vulnerabbli jeħtieġ l-ikbar għajnuna u protezzjoni.Jeanne Jugan għaddiet minn ħafna tbatija f’ħajjitha. Mhux biss meta kienet żgħira, imma wkoll bħala fundatriċi tal-kongregazzjoni tal-Little Sisters of the Poor. Hi għażlet għaliha l-isem ‘Marija tas-Salib’ u verament kellha tħaddan is-salib. L-ikbar tbatija, bħalma jiġri kultant fil-Knisja, sabitha minn ġewwa, minn saċerdot li warrabha fil-ġenb biex jieħu hu t-tmexxija tal-kongregazzjoni. Dan kien każ tipiku ta’ dak il-klerikaliżmu li jagħmel ħafna ħsara fil-Knisja. Jeanne Jugan, li kienet il-fundatriċi u għamlet tant ġid, spiċċat emarġinata għal ħafna snin, tant li kien hemm żmien li s-sorijiet iż-żgħar li magħhom kienet tgħix lanqas kienu jafu li hi l-fundatriċi. Imma baqgħet dejjem bi spirtu sabiħ u tgħid: ‘Irridu nġorru s-salib sal-mewt’. Kienet qisha dik il-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut biex tagħmel il-frott, u ħafna frott. Kienet sors ta’ ispirazzjoni għal tant nisa li wara mewtha segwew il-passi tagħha fil-kongregazzjoni tal-Little Sisters of the Poor.Għalhekk illum nitolbu lil Jeanne Jugan biex insegwu dak li tgħallimna hi, li:
- Alla hu kollox għalina, dak li jimlielna qalbna bl-imħabba tiegħu;
- Din l-imħabba għandha tmexxina biex nagħtu ħajjitna għall-oħrajn u nħarsu dejjem id-dinjità ta’ kull bniedem b’attenzjoni partikulari lil min hu l-iktar fil-bżonn;
- Biex ngħixu din il-ħajja u nagħmlu l-ġid, irridu ngħaddu minn tbatija. Imma jekk ngħixuha bħal Marija tas-Salib, tkun tbatija li tagħmel ħafna frott.
A few words in English for the benefit of English speaking sisters:
I have chosen as motto for my episcopal ministry ‘Cherish life with love’. And I think that Jeanne Jugan is a very beautiful personification of this motto. She was moved by the love of God, and she sought to serve him in the poor, in old people and in the abandoned. She cherished life with love. Her life was a healing balm for the wounds of people. Her love was boundless.
I read that Charles Dickens once met Jeanne Jugan and after the meeting he said: “There is in this woman something so calm, so holy … her words went straight to my heart so that my eyes, I know not how, filled with tears.”
God has glorified his humble servant Jeanne Jugan who has been a source of inspiration for so many people, especially the Little Sisters of the Poor. For this we thank God today and we ask for her intercession so that we may peacefully and joyfully radiate God’s love everywhere.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
-
-
Ritratti: Malta Market Matters