L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. nnomina lil Dun Frans Abdilla biex ikun id-Delegat tiegħu għall-Kleru u għall-Membri ta’ Istituti ta’ Ħajja Konsagrata. Huwa ser jieħu post lil Dun Ġuzepp Mifsud Bonnici.
Dun Frans Abdilla twieled Ħal Kirkop fid-29 ta’ Ottubru, 1956. Ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1984. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet bħala viċi-parroku fil-parroċċa ta’ San Filep, Ħaż-Żebbuġ. Fl-1990 inħatar Religious Counsellor fl-iskejjel u ta l-għajnuna tiegħu fil-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. Fil-1993 inħatar kappillan fil-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, Paola. F’Diċembru tal-1994 sar arċipriet fil-paroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi. Fis-sena 2005 inħatar responsabbli taż-żona tas-Sagħjtar, in-Naxxar. Mis-sena 2006 Dun Frans beda jwettaq ħidma prezzjuża fost l-istudenti żgħażagħ tal-Junior College.
L-għan tas-Segretarjat għall-Kleru u għall-Membri ta’ Istituti ta’ Ħajja Konsagrata hu li jieħu ħsieb u janima l-formazzjoni umana, spiritwali, intelletwali u pastorali tas-saċerdoti.