-
L‑Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna, u l‑Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, jinsabu l‑Vatikan għall‑kungress internazzjonali ‘(Re)Thinking Europe’. Din il‑laqgħa ta’ djalogu li tibda llum ser tlaqqa’ flimkien aktar minn 350 parteċipant mit‑28 pajjiż tal‑Unjoni Ewropea, fosthom rappreżentanti għolja tal‑Knisja u mexxejja politiċi Ewropej, bil‑għan li jikkontribwixxu għal riflessjoni kostruttiva dwar l‑isfidi li qed tiffaċċja l‑Ewropa.
Id‑delegazzjoni Maltija mmexxijja mill‑Arċisqof Scicluna tinkludi lil Dr Aaron Farrugia, Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej u d‑Djalogu Soċjali, Dr Roberta Metsola, Membru Parlamentari Ewropej, Dr Vanni Xuereb, Kap tal‑MEUSAC, u r‑Rev. Prof. Emmanuel Agius, Dekan tal‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Huma ġew mistiedna mill‑Konferenza Episkopali Maltija biex jipparteċipaw f’dan il‑kungress li jintemm għada, is‑Sibt, b’udjenza mal‑Papa Franġisku.
Il‑kelliema ewlenin jinkludu l‑Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal‑Istat tas‑Santa Sede, Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi‑President tal‑Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani u Pat Cox, President u eks‑President tal‑Parlament Ewropew, u l‑Kardinal Reinhard Marx, President tal‑Kummissjoni tal‑Konferenzi tal‑Isqfijiet Ewropej (COMECE).
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna u l‑eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta ġew mistiedna jindirizzaw l‑ewwel sessjoni tal‑kungress li matulha ser jitkellmu dwar l‑isfidi tal‑integrazzjoni. Matul dawn il‑jumejn, il‑parteċipanti ser jiddiskutu wkoll x’tip ta’ ekonomija tinħtieġ l‑Ewropa, l‑istat tad‑demokrazija fil‑pajjiżi Ewropej u l‑kontribut tal‑Knisja Kattolika b’risq it‑tisħiħ tal‑Unjoni Ewropea.
Il‑kungress internazzjonali ‘(Re)Thinking Europe’ joffri opportunità ta’ djalogu bejn dawk kollha involuti fil‑proġett Ewropew, li jixtiequ jaħdmu favur il‑ġid komuni u jpoġġu l‑persuna u d‑dinjità tagħha fiċ‑ċentru tal‑politika. Il‑kungress huwa organizzat mill‑COMECE u s‑Santa Sede, fl‑okkażjoni tas‑60 anniversarju tat‑Trattat ta’ Ruma.