-
-
Delegazzjoni mill-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Awtiżmu u mid-Dar tal-Providenza kienet fost il-madwar sitt mija u ħamsin parteċipant minn seba’ u ħamsin pajjiż li attendew għad-29 Konferenza Internazzjonali li saret fis-Sala l-ġdida tas-Sinodu fil-Belt tal-Vatikan bit–tema: “Il-Persuna bl-Awtiżmu. Nibnu t-tama”. Il-Konferenza kienet organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Ħaddiema tal-Qasam tas-Saħħa u saret bejn l-20 u t-22 ta’ Novembru. Din il-konferenza ntemmet b’laqgħa mill-isbaħ tal-Papa Franġisku mhux biss mal-parteċipanti kollha imma wkoll ma’ għadd kbir ta’ persuni bil-kundizzjoni tal-awtiżmu u l-ġenituri tagħhom.
Kienet ittra miktuba lill-Papa minn koppja Kanadiża li għandha tifel bl-awtiżmu li ispirat lill-Kunsill Pontifiċju għall-Ħaddiema tal-Qasam tas-Saħħa biex din is-sena jiddiskuti l-kundizzjoni tal-awtiżmu, kundizzjoni li l-impatt tagħha qed dejjem aktar jinħass. Il-Kunsill Pontifiċju xtaq li permezz ta’ din il-konferenza jibgħat messaġġ li l-Knisja tixtieq tkun aktar sensittiva u qrib tal-persuni b’din il-kundizzjoni, il-familjari tagħhom, il-komunità xjentifika internazzjonali, skejjel u assoċċjazzjonijiet li jaħdmu fil-qrib ma’ dawn il-persuni.
-
-
Fid-diskors tiegħu il-Papa Franġisku saħaq li hemm bżonn li jitkissru l-iżolament u l-preġudizzji dwar il-persuni bil-kundizzjoni tal-awtiżmu. Huwa rringrazzja mill-qalb lill-parteċipanti kollha għax-xhieda qawwija tagħhom ta’ dak li tfisser li tgħix bl-awtiżmu. Il-Papa tkellem dwar il-fraġilità tat-tfal u l-familji milquta minn din il-kundizzjoni. Huwa tkellem ukoll favur il-ħolqien ta’ xibka ta’ appoġġ u servizzi li jistgħu jintlaħqu minn kulħadd li għandhom il-għan li jwieġbu għall-bżonnijiet u jkissru l-iżolament ta’ dawn il-persuni u l-familjari tagħhom. Dan mhux biss ir-responsabbiltà tal-gvernijiet u istituzzjonjiet iżda wkoll tal-komunitajiet insara, parroċċi u familji. Dan, kompla l-Papa, għandu jgħin ħafna lill-familji biex jirbħu d-diffikultajiet li jesperjenzaw kuljum. Il-Papa għalaq id-diskors tiegħu bi kliem ta’ inkoraġġiment għall-akkademiċi u riċerkaturi f’dan il-qasam biex jiskopru terapiji, sapport u għodod biex jgħinu u fuq kollox jipprevjenu kemm jista’ jkun din il-kundizzjoni filwaqt li jiġu mħarsa d-drittijiet inaljenabbli ta’ kull persuna.
Numru sabiħ ta’ ġenituri, esperti, xjenzati u riċerkaturi fuq is-suġġett kienu mistiedna bħala l-kelliema ewlenin ta’ din il-konferenza. L-aktar żewġ kelliema li spikkaw kienu l-koppja Bob u Suzanne Wright li għandhom neputi bl-awtiżmu u li spirhom biex iwaqqfu l-assoċċjazzjoni Autism Speaks fl-Amerika. Huma qasmu ma’ dawk kollha preżenti l-istorja tagħhom ta’ suċċess biex jagħtu appoġġ lil tant persuni bl-awtiżmu u lill-familjari tagħhom kif ukoll biex joħolqu aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni fid-dinja kollha.
Victor Formosa