Fid-dawl tar-riforma edukattiva ta’ tranżizzjoni mill-primarja għas-sekondarja, l‑Awtoritajiet tal-Knisja irrevedew il-kriterji u r-regolamenti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja.
F’dawn l-iskejjel, sa issa, kienu jidħlu b’mod “awtomatiku” tfal mid-djar tal-Knisja, aħwa li għandhom ħuthom f’xi skola tal-Knisja, xi tfal ikkunsidrati bħala każijiet umanitarji gravi u tfal oħra li jintgħażlu bil-polza. Ma’ dawn il-kriterji qed jiżdiedu żewġ kriterji ġodda li pjuttost huma estensjoni ta’ dawk diġà eżistenti. Wieħed minn dawn il-kriterji l-ġodda huwa li tfal li diġà huma fi skola tal-Knisja li ma tkomplix (per eżempju mill-Kinder 2 għall-ewwel sena primarja jew mis-sitt sena primarja għall-ewwel sena sekondarja) ser ikomplu fi skola tal-Knisja oħra minn Ottubru 2011. Dan il-kriterju jikkumplimenta l‑kriterju tal-kontinwità mill-Kinder għall-primarja u mill-primarja għas-sekondarja tal-iskejjel tal-Knisja li diġà għandhom dawn il-livelli.
Kriterju ġdid ieħor huwa dak tat-tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja. Dan il-kriterju għandu jgħin lill-familja ta’ dawk li jaħdmu fi skola tal-Knisja. Hekk il-ġenitur ikun jista’ jieħu miegħu lil-uliedu fl-iskola fejn jaħdem.
Peress li l-kriterju tal-eżami komuni għad-dħul fl-ewwel sena sekondarja tneħħa, issa l‑kriterju tal-aħwa se jibda japplika anke f’dawk l-iskejjel li qabel kellhom id-dħul irregolat bl-eżami komuni.
Id-dħul fl-iskejjel tal-Knisja jsir skont il-kriterji deċiżi mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi hekk kif indikat fil-ftehim dwar l-Iskejjel tal-Knisja bejn l-Istat ta’ Malta u s-Santa Sede (1991).
Regolamenti Riveduti
Wara għoxrin sena ta’ esperjenza, f’sitwazzjoni ġdida u bi kriterji ġodda nħass il-bżonn li jsir aġġornament tar-regolamenti tad-dħul. Ir-regolamenti tad-dħul riveduti fihom ideat minn ta’ qabel u minn tal-eżami komuni.
Ir-Regolamenti se jkunu dokument separat mill-applikazzjoni u jkunu aċċessibbli minn għada t-Tlieta fuq il-websajt tal-Kurja www.maltadiocese.org. L-applikazzjonijiet mhux se jibdew jinġabru u jiġu sottomessi f’żewġ ġranet separati u mhux minn post wieħed biss iżda minn diversi skejjel tal-Knisja. Min se japplika għandu jieħu miegħu d-dokumenti kollha meħtieġa kif imniżżla fir-regolamenti. L-applikazzjoni timtela dakinhar stess biex l-applikanti ma jkollhomx għalfejn jinqalgħu darbtejn. L-applikazzjonijiet ser jibdew jintlaqgħu f’Jannar 2011.
Għal-Kinder 1 se jkun hemm post għal 102 tifel u 139 tifla. Fil-Kinder 2 se jkun hemm post għal 57 tifel u 255 tifla. Fl-ewwel sena primarja se jkun hemm post għal 433 tifel u 224 tifla. Fir-raba’ sena primarja se jkun hemm post għal 225 tifel. Fl-ewwel sena sekondarja se jkun hemm post għal 434 tifel u 15-il tifla. B’kollox se jkun hemm total ta’ postijiet għal 1251 tifel u 633 tifla, b’kollox 1884 post. Xi postijiet minn dawn se jingħataw lil tfal ikkunsidrati bħala każijiet umanitarji gravi.
Tlestew regolamenti speċifiċi għall-każijiet umanitarji gravi. Dawn jagħmlu applikazzjoni aktar dettaljata u jsegwu proċess parallel għall-applikazzjonijiet l-oħra. L-applikazzjonijiet għal każijiet umanitarji gravi se jibdew f’Jannar u jkomplu fi Frar. Aktar dettalji fid-dokument tar-regolamenti tal-każijiet umanitarji gravi li se jkunu fuq il-websajt tal-Kurja minn għada.
Proċess tad-Dħul
Għall-Kinder 1, Kinder 2 u raba’ sena primarja it-tfal mid-djar tal-Knisja, l-aħwa li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja u tfal ta’ impjegati fl-iskejjel tal-Knisja u tfal li jiġu aċċettati bħal każijiet umanitarji gravi jingħatalhom post fi skola tal-Knisja. Il-postijiet vakanti li jkun baqa jimtlew minn applikanti oħra. Sabiex jagħżlu skola tal-Knisja tittela polza bejn l-applikanti l-oħra hekk minn jitla l-ewwel jagħżel l-ewwel. Dan il-proċess jibqa’ sejjer sakemm jimtlew il-postijiet kollha.
Għall-ewwel sena primarja u għall-ewwel sena sekondarja se jkun hemm ukoll tfal minn skejjel tal-Knisja bla kontinwità. Għalhekk il-proċess se jkun ftit differenti. It-tfal mid-djar tal-Knisja, l-aħwa li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja, tfal ta’ impjegati fl-iskejjel tal-Knisja, tfal minn skejjel tal-Knisja bla kontinwità u tfal li jiġu aċċettati bħal każijiet umanitarji gravi se jingħataw post fi skola tal-Knisja. Madankollu, dawk minn djar tal-Knisja u minn skola tal-Knisja bla kontinwità mhux se jagħżlu l-iskola fejn se jmorru qabel l-applikanti l-oħrajn. Kif se jsir dan?
Wara li jiġu milqugħa l-applikazzjonijiet, jingħaddu kemm hemm applikanti b’dawn il-ħames kriterji li jagħtu post lit-tfal jidħlu fi skola tal-Knisja. Dan it-total jitnaqqas mit-total ta’ postijiet vojta. Hekk insiru nafu kemm għad baqa’ postijiet li jistgħu jimtlew minn applikanti oħra. Nagħtu eżempju.
Fl-ewwel tabbella nikkalkulaw kemm se jittieħdu postijiet minn dawk tal-ewwel ħames kriterji.
Eżempju: Applikanti subien għad-dħul fl-ewwel sena primarja | |
Tfal minn djar tal-Knisja | 6 |
Aħwa | 15 |
Tfal tal-Impjegati | 6 |
Tfal minn skola bla kontinwità | 54 |
Każijiet Umanitarji Gravi | 12 |
Total | 93 |
Fit-tieni tabbella naraw kemm se jibqa’ postijiet għal-applikanti oħra.
Total ta’ postijiet vakanti (dan iddikjarat fir-regolamenti) | 223 |
Total ta’ postijiet meħuda bl-ewwel 5 kriterji | -93 |
Total ta’ postijiet li se jibqa’ għal applikanti oħra | 130 |
F’dan l-istadju titella’ polza, li qed tiġi msejħa polza ta’ parteċipazzjoni, fost l-applikanti oħra sabiex skont l-eżempju, minn fosthom jintagħżlu 130 li se jingħataw post. L-ewwel 130 li jitgħilgħu bil-polza ta’ parteċipazzjoni aktar tard jieħdu sehem fit-tieni polza, li qed tissejaħ polza tal-għażla.
Il-polza tal-għażla isservi sabiex jinħoloq ordni li bih issir l-għażla tal-iskola. Fil-polza tal-għażla jieħdu sehem it-tfal mid-djar tal-Knisja, it-tfal minn skola tal-Knisja bla kontinwità u applikanti oħra. Min jitla’ l-ewwel jagħżel l-ewwel. B’dan il-mod it-tfal jingħataw l-istess opportunità meta jiġu biex jagħżlu skola tal-Knisja.
Sabiex tiżdied it-trasparenza, l-listi bl-ismijiet ta’ dawk li jitilgħu bil-poloz u li jinkitbu fl-iskejjel tal-Knisja se jkunu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kurja f’diversi stadji sal-aħħar ta’ Mejju.
L-għażla tal-iskola mhux se ssir bl-indikazzjoni ta’ preferenzi fuq il-formola tal-applikazzjoni bħal ma kien isir qabel. L-għażla ta’ skola ssir wara li tittella’ polza fost l‑applikanti. F’okkażjoni separata, wara li jkunu ttellgħu l-poloz, dawk li jkun imisshom jagħmlu l-għażla tagħhom skont kif ikunu telgħu, min jitla’ l-ewwel jagħżel l-ewwel. Meta skola timtela dawk li jkun imisshom, jiġu infurmati.
L-istess ordni stabbilit bil-polza jservi wkoll ta’ waiting list f’każ li xi ħadd jibdel fehemtu.
Peress li se jinfetħu skejjel primarji ġodda għal dawn it-tliet snin ser jiżdied id-dħul fir-raba’ sena primarja u ser jiżdiedu l-postijiet għall-istudenti fl-ewwel u r-raba’ sena primarja. Sa jkun hemm mitejn post aktar fl-ewwel sena primarja u mitejn post ieħor fir-raba’ sena.
Dawk li se jidħlu fil-livell sekondarju huma obbligati li jagħmlu l-eżami ta’ tmiem is-sitt sena primarja u jgħaddu r-riżultat lill-iskejjel fejn jinkitbu.
F’Jannar li ġej għandhom japplikaw għad-dħul:
fl-ewwel sena kindergarten dawk li twieldu fis-sena 2008.
fit-tieni sena kindergarten dawk li twieldu fis-sena 2007;
fl-ewwel sena primarja dawk li twieldu fis-sena 2006;
fir-raba’ sena primarja dawk li twieldu fis-sena 2003;
fl-ewwel sena sekondarja dawk li twieldu fis-sena 2000.
Id-dħul fl-iskejjel tal-Knisja se jkun skont dawn ir-regolamenti u mhux se jkun possibbli li jsir dħul ieħor.