• Ir-Regolamenti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2016-2017 ġew ippublikati fuq il-websajt www.thechurchinmalta.org.

    B’kollox ser ikun hemm total ta’ 1,557 postijiet vakanti. L-applikazzjonijiet ser isiru f’diversi skejjel tal-Knisja bejn Novembru u Frar. Min ser japplika għandu jieħu miegħu d-dokumenti meħtieġa u l-applikazzjoni timtela’ dakinhar stess.  Lista tad-dokumenti meħtieġa, u l-ġranet meta wieħed għandu jmur japplika u fejn, huma mniżżla fir-Regolamenti. Dawk li ser japplikaw bħala ‘każijiet serji’ għandhom isegwu l-istruzzjonijiet imniżżla fir-Regolamenti tal-każijiet serji.

    Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja.

    In-numru ta’ postijiet vakanti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja fis-sena skolastika 2016-2017 huwa kif ġej:

    Sena  

    Postijiet Vakanti

    Subien

     

    Postijiet Vakanti

    Bniet

    Total

    Postijiet Vakanti

     

    L-ewwel sena kindergarten

    87 112 199
     

    It-tieni sena kindergarten

    127 303 430
     

    L-ewwel sena primarja

    380 244 624
     

    L-ewwel sena sekondarja

    262 42 304
     

    TOTAL

    856  

    701

    1557

    Mit-total ta’ 1,557 xi postijiet ser jingħataw lil tfal ikkunsidrati bħala każijiet serji li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il-każijiet serji jinkludu dawk li għandhom jew li jista’ jkollhom bżonn l-għajnuna ta’ LSA, każijiet soċjali u tfal li huma jew il-ġenituri tagħhom qed ifittxu ażil. Il-każijiet serji jagħmlu applikazzjoni aktar dettaljata u jsegwu proċess paralleli għall-applikazzjonijiet l-oħra.

    L-applikazzjonijiet għall-każijiet serji ser jibdew f’Novembru u jkomplu f’Jannar.

    Aktar dettalji dwar id-dħul ta’ tfal fl-Iskejjel tal-Knisja fis-sena skolastika 2016-2017 jinkisbu mir-Regolamenti li jinsabu fuq il-paġna tad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja. Fuq l-istess paġna wieħed jista’ jsib ukoll il-proċeduri f’każ ta’ ksur tar-Regolamenti li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni mill-iskola tat-tfal involuti.