Dibattitu dwar il-kannabis għall-użu ‘rikreattiv’
Caritas Malta, l-Aġenzija Sedqa, il-Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta jinsabu fi qbil li:
- Hemm bżonn iktar sensibilità lejn persuni li jużaw il-kannabis.
- Il-liġi tal-2015 – Rijabilitazzjoni u mhux Priġunerija – kienet liġi effettiva u pass ’il quddiem biex persuni li jinqabdu bi kwantitajiet żgħar għall-użu personali jiġu dekriminalizzati u depenalizzati.
- Liġi dwar il-kannabis mediċinali kellha passi ’l quddiem peress li l-kannabis għandha propjetajiet mediċi u li meta jiġu użati abbażi ta’ riċerka, ikunu ta’ benefiċċju għall-pazjent.
- Persuna li tuża l-kannabis jew sustanzi oħra, m’għandhiex tiċċappsilha l-kondotta jew tintbagħat il-ħabs.
- Mhux ġust li dawn il-persuni jiġu stigmatizzati
Fl-istess ħin l-erba’ ogranizzazzjonijiet jinsabu mħassba li l-użu tal-kannabis qed jiġi normalizzat u popolarizzat. L-użu tad-definizzjoni ‘kannabis rikreattiv’ jgħaddi u jikkonferma l-messaġġ lis-soċjetà li din is-sustanza għandha valur rikreattiv. Mill-esperjenza tat-tipjip u x-xorb nafu li meta droga ssir iktar popolari u anki legali hemm tendenza li s-sustanza tintuża iktar u l-effetti negattivi jinħassu iktar ukoll. Ma jfissirx li jekk iktar nies qed jużaw il-kannabis din ma tibqax xi ħaġa li m’hemmx għalfejn ninkwetaw dwarha. Anzi bil-maqlub, għandna nistaqsu għalfejn din is-sustanza dieħla iktar fil-kultura tagħna.
L-organizzazzjonijiet jixtiequ jwasslu l-vuċi ta’ inkwiet ta’ ħafna ġenituri li wliedhom jiġġustifikaw l-użu tal-kannabis bħala mediċina jew għax “jużaha kulħadd”, kif ukoll li riżultat ta’ riċerka riċenti reġa’ kkonferma li l-użu tal-kannabis fl-adolexxenti hu ta’ ħsara kbira fuq il-moħħ u jesponi lill-moħħ għar-riskji ta’ dipendenza fuq droga oħra.
L-appell tal-organizzazzjonijiet hu biex ikompli jitwassal il-messaġġ b’kull mezz possibbli lit-tfal u lill-adolexxenti li l-ebda droga ma fiha valur rikreattiv u li kull droga, inkluż il-kannabis, għandha l-perikli tagħha.
F’Malta hawn ħidma qawwija fil-qasam tal-prevenzjoni u r-rijabilitazzjoni mid-droga mill-awtoritajiet, il-qasam edukattiv, aġenziji tal-Gvern u anki għaqdiet volontarji kif ukoll hemm ħidma qawwija mill-forzi tal-ordni u kif ukoll mill-Ġudikatura. Nibqgħu nittamaw li l-liġijiet li jiġu proposti f’dan ir-rigward, isaħħu l-liġi tal-2015, biex jagħtu iktar ħabel lill-Ġudikatura biex l-ebda persuna li hi dipendenti fuq droga ma tispiċċa l-ħabs iżda tiġi megħjuna ssib stil ta’ ħajja mingħajr is-sustanzi.
Il-liġijiet iservu ta’ gwida u ta’ messaġġ għas-soċjetà biex din tiżviluppa b’mod sħiħ u ta’ benefiċċju għal kulħadd. L-erba’ organizzazzjonijiet jittamaw li liġijiet li jiġu proposti fil-futur ma jiftħux bibien jew twieqi biex persuna taċċessa d-droga b’mod legali, u li jiġu kunsidrati fil-fond il-konsegwenzi soċjali u l-iżvantaġġi li dan iġib fuq dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Fost dawn hemm adolexxenti; dawk b’dipendenzi jew f’riskju li jiżviluppaw dipendenza fuq il-kannabis u sustanzi oħra, dawk li bil-kannabis jiżviluppaw paranoja u psikożi, dawk li jitilfu l-motivazzjoni għal ħajjithom (a-motivational sydrome) u dawk li diġà għandhom diffikultajiet intellettwali.