Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja jesprimu d‑diżappunt qawwi tagħhom għall‑attitudni li wriet in‑naħa tal‑Gvern waqt id‑diskussjoni tal‑bieraħ fi stadju ta’ kumitat dwar il‑liġi il‑ġdida tal‑kannabis.
Minkejja bosta emendi raġonevoli u bilanċjati proposti mill‑organizzazzjonijiet, in‑naħa tal‑Gvern irrifjutat li tikkunsidra dawn is‑suġġerimenti u baqgħet tinsisti li tgħaddi qafas regolatorju dgħajjef ħafna li jirriskja li jħalli impatt negattiv kbir fuq is‑soċjetà tagħna, speċjalment fost it‑tfal, iż‑żgħażagħ u l‑aktar nies vulnerabbli. Għalhekk, dwar kwistjoni bħal din, nappellaw lill‑Prim Ministru biex jippermetti vot ħieles lill‑membri parlamentari tal‑Gvern biex ikunu jistgħu jivvutaw skont il‑kuxjenza tagħhom u mhux skont il‑linji tal‑partit.
In‑naħa tal‑Gvern irrifjutat li tikkunsidra l-emendi ssuġġeriti li saru mill‑organizzazzjonijiet waqt il‑laqgħa tal‑kumitat parlamentari biex:
- tiżdied l‑età meta t‑tipjip tal‑kannabis ikun legali minn 18 għal 25 sena;
- tiżdied id‑distanza tal‑klabbs tal‑kannabis minn skejjel, ċentri taż‑żgħażagħ u istituzzjonijiet post‑sekondarji minn sempliċi 250 metru għal kilometru;
- jirduppjaw il‑multi għat‑tipjip tal‑kannabis quddiem it‑tfal u fil‑pubbliku;
- titneħħa l‑possibbiltà fil‑liġi li l‑kannabis titkabbar f’residenzi maġenb l‑iskejjel;
- jiġi regolat l‑ammont ta’ THC permessibbli fil‑kannabis.
Dawn l‑emendi kollha ssuġġeriti, li saru sabiex isaħħu l‑liġi u jtaffu r‑riskji li se tpoġġi fuq is‑soċjetà, ma ġewx aċċettati.
Barra minn hekk, l‑organizzazzjonijiet għandhom riżervi serji dwar il‑mod kif l‑awtorità l‑ġdida tal‑kannabis imwaqqfa bil‑liġi se tkun qed twettaq ukoll kampanji edukattivi li jistgħu jinkludu kampanji dwar dak li qed jissejjaħ bħala “l‑użu responsabbli tal‑kannabis”. Inħossu li l‑kampanji edukattivi tal‑Gvern dwar il‑kannabis m’għandhomx jibagħtu messaġġi mħallta b’dan il‑mod u għandhom jiffukaw esklussivament fuq miżuri ta’ prevenzjoni li jispjegaw ir‑riskji tal‑użu tal‑kannabis.
Matul id‑dibattitu pubbliku fuq din il‑liġi, il‑Gvern sema’ minn organizzazzjoni waħda biss favur il‑kannabis u injora l‑ħafna organizzazzjonijiet, korpi kostitwiti, esperti mediċi, professjonisti mill‑qasam psikosoċjali, akkademiċi, organizzazzjonijiet b’snin ta’ esperjenza fil‑qasam tal‑prevenzjoni tad‑droga, persuni li fil‑passat kienu dipendenti mid‑droga u ħafna oħrajn li lkoll esprimew it‑tħassib serju tagħhom dwar din il‑liġi proposta.
F’dan l‑istadju tard tad‑dibattitu parlamentari, Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja qed jagħmlu appell qawwi lill‑kuxjenza tal‑membri parlamentari min‑naħa tal‑Gvern biex jirriflettu fuq ir‑riperkussjoni negattiva li din il‑liġi tista’ ġġib fuq is‑soċjetà tagħna u jivvotaw kontra.