Hi ta’ sfortuna li r-reazzjonijiet għall-position paper li ktibna, attribwew lilna dikjarazzjonijiet li la jesprimu s-sentimenti tagħna u lanqas għandhom x’jaqsmu ma’ dak li ktibna.
a) M’hemm xejn fil-paper li tista’, anke b’xi mod remot, tiġi interpretata li tfisser li l-omosesswalità hi marda jew diżordni.
b) Mhux veru li l-paper torbot l-omosesswalità mal-abbuż ta’ tfal.
c) M’hemm xejn fil-paper li juri sentiment negattiv jew li b’xi mod inaqqas mir-rispett għad-dinjità ta’ persuni LGBTIQ.
d) Imkien ma jingħad li l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru għandhom jiġu soppressi jew eliminati.
e) M’hemm ebda referenza li persuni bisesswali jistgħu jingħataw it-tikketta ta’ promiskuwi.
Dawn l-opinjonijiet ma jidhru imkien fil-position paper li ktibna. Ħadd minna ma jaqbel ma’ dawn l-opinjonijiet.
Għall-kuntrarju, il-position paper tgħid b’mod ċar li:
a) l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru f’kull individwu, għandha tiġi affermata mhux mibdula, repressa jew eliminata. Dan hu prinċipju etiku u legali li dwaru ma jistax ikun hemm kompromess.
b) it-terapija ta’ konverżjoni kontra r-rieda ħielsa u l-kunsens infurmat ta’ dak li jkun, għandha tkun ipprojbita.
c) il-kwistjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, fil-prattika, mhux dejjem tista’ tkun daqshekk sempliċi u ċara.
d) professjonisti speċjalizzati għandhom jitħallew japplikaw diskrezzjoni xierqa fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom għall-ġid tal-klijenti tagħhom.
Hu ironiku li f’pajjiż demokratiku li jgħid li jippromwovi libertajiet ċivili, il-Liġi li qed tiġi proposta tippermetti biss counselling li jgħin lil dak li jkun jesplora l-identità sesswali tiegħu u ma tħallix lin-nies ifittxu l-għajnuna li b’libertà jkunu jixtiequ biex isolvu dubji jew mistoqsijiet relatati mal-orjentazzjoni sesswali tagħhom, mal-identità tal-ġeneru u mal-espressjoni tal-ġeneru permezz ta’ forom ta’ terapija li tista’ tgħinhom.
Aħna nemmnu li l-Liġi għandha tirrikonoxxi b’mod ċar li kull persuna adulta tkun ħielsa li tingħata kwalunkwe servizzi psikoloġiċi jew servizzi oħra terapewtiċi li tixtieq jew teħtieġ, dwar
l-orjentazzjoni sesswali, l-identità u l-ġeneru tagħha.
Rev. Prof. Emmanuel Agius
Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija u Membru tal-Grupp Ewropew ta’ Etika fix-Xjenza u Teknoloġijji Ġodda (Kummissjoni Ewropea)
Prof. Kevin Aquilina
Dekan tal-Fakultà tal-Liġi
Dr Austin Bencini
Avukat Kostituzzjonali
L-Imħallef Giovanni Bonello
Eks-Imħallef tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
Dr Nadia Delicata
Lekċerer fl-Università ta’ Malta
Rev. Prof. Paul Galea
Psikologu
Rev. Prof. George Grima
Professur fil-Fakultà tat-Teoloġija