Uħud mill-istqarrijiet li saru fid-dokumentarju “Francesco” tad-direttur Evgeny Afineevsky, f’dawn l-aħħar jiem qajmu diversi reazzjonijiet u interpretazzjonijiet. Fid-dawl ta’ dan, qed jiġu offruti xi għajnuniet għad-dispożizzjoni tiegħek, bil-għan li tingħata spjega komprensiva tal-kliem tal-Qdusija Tiegħu.
Waqt intervista li saret aktar minn sena ilu, f’żewġ okkażjonijiet separati, il-Papa Franġisku wieġeb żewġ mistoqsijiet li, f’dan id-dokumentarju ġew editjati daqslikieku kienu tweġiba waħda. Dan mingħajr ma nagħta l-kuntest tal-kliem tal-Papa, bil-konsegwenza li nħolqot konfużjoni. Fl-ewwel tweġiba tiegħu, il-Papa Franġisku kien qed jagħmel referenza pastorali għall-ħtieġa li, fi ħdan il-familja, iben jew bint b’orjentament omosesswali m’għandhom qatt jiġu diskriminati. Il-kliem preċiż kien dan: “Persuni omosesswali għandhom id-dritt li jkunu fil-familja; huma wlied Alla, għandhom dritt għall-familja. Ħadd m’għandu jitkeċċa mill-familja jew jagħmlulu ħajtu impossibbli”.
Il-paragrafu segwenti mill-eżortazzjoni appostolika post-sinodali dwar l-imħabba fil-familja Amoris Laetitia (2016) tista’ titfa’ dawl fuq il-kliem tal-Papa: “Mal-Padri Sinodali għarbilt l-qagħda tal-familji li qed jgħixu l-esperjenza li fi ħdanhom għandhom persuni b’tendenzi omosesswali, esperjenza li mhi xejn ħafifa la għall-ġenituri u lanqas għall-ulied. Għalhekk, nixtiequ qabelxejn intennu li kull persuna, hu x’inhu l-orjentament sesswali tagħha, għandha tiġi rrispettata fid-dinjità tagħha u milqugħa bir-rispett, bl-għożża li tevita ‘kull sinjal ta’ diskriminazzjoni mhux ġusta u partikolarment kull għamla ta’ aggressjoni u vjolenza. Lill-familji mbagħad irridu niżguraw li nseħbuhom b’rispett, biex dawk li qed juru tendenza omosesswali jistgħu jsibu l-għajnuna meħtieġa biex jifhmu u jwettqu b’mod sħiħ ir-rieda ta’ Alla f’ħajjithom” (nru 250).
Il-mistoqsija segwenti tal-intervista kienet tirreferi għal-leġiżlazzjoni lokali ta’ għaxar snin ilu fl-Arġentina dwar “żwieġ bejn bejn koppji tal-istess sess” u għall-pożizzjoni kontra din il-leġiżlazzjoni li kien ħa l-Arċisqof ta’ Buenos Aires ta’ dak iż-żmien. Dwar dan, il-Papa Franġisku stqarr li “hi ħaġa mhix flokha (inkongruwenza) li titkellem dwar żwieġ omosesswali”, u żied jgħid li kien qed jirreferi għad-dritt ta’ dawn il-persuni li, f’dak il-kuntest partikolari, ikollhom protezzjoni legali: “li rridu nagħmlu hu li jkollna liġi tal-konvivenza ċivili; għandhom dritt għall-protezzjoni legali. Jien iddefendejt dak id-dritt”.
Il-Papa Franġisku kien diġà esprima ruħu b’dan il-mod waqt intervista li saret fl-2014: “Iż-żwieġ huwa bejn raġel u mara. L-istati sekulari jridu jiġġustifikaw l-unjoni ċivili biex jirregolarizzaw diversi sitwazzjonijiet ta’ konvivenza. U dan għaliex huma mġiegħla jagħmlu dan mill-esiġenza li jirregolarizzaw aspetti ta’ natura ekonomika bejn il-persuni, bħal pereżempju li jassiguraw is-servizz tas-saħħa. Dan jirreferi għal forom differenti ta’ ftehim jew impenn (patt) ta’ konvivenza, li m’iniex kapaċi nelenka l-forom kollha. Wieħed irid jara kull każ għalih u jagħmel evalwazzjoni tad-diversi forom tagħhom”.
Għalhekk, huwa evidenti li l-Papa Franġisku kien qed jirreferi għal proviżjonijiet statali, u ċertament mhux għad-duttrina tal-Knisja li tkellem dwarha kemm-il darba tul is-snin.