-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna -
Bażilika Minuri, il-Mosta
15 ta’ Awwissu 2018“Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49). Kemm joqgħodu fuq fomm Marija dawn il-kelmiet li jagħtina l-Evanġelju ta’ San Luqa u l-ħsieb tagħna jmur fir-raħal ċkejken u ħelu ta’ Għajn Karem fejn il-Madonna nisslet dawn il-kelmiet “Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”.
Għax illum qegħdin niċċelebraw, u bir-raġun niċċelebraw b’mod solenni avveniment li l-fidi tagħna tpoġġih bħala sinjal ta’ faraġ u ta’ tama, il-fatt li Sidtna Marija, omm Ġesù, hi u tgħaddi mill-proċess tal-mewt fit-tmiem tal-ħajja tagħha fuq din l-art, bir-rieda ta’ binha u bil-qawwa tal-Mulej, m’għaddhietx mill-proċess tat-taħsir li minnu ngħaddu lkoll kemm aħna.
Il-proċess tal-qawmienBir-raġun, meta l-Appostlu Missierna fis-silta li smajna fit-Tieni Qari, jispjegalna li aħna lkoll niksbu l-ħajja fi Kristu, ilkoll se ngħaddu mill-proċess tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet għaliex il-fidi tagħna tgħidilna: ‘Nemmen fil-qawma mill-imwiet’. Imma jgħidilna: “Kulħadd skont kif imissu” (1Kor 15:23). L-Appostlu Missierna kellu din l-intuwizzjoni feliċi li, f’dan il-proċess ta’ qawmien mill-imwiet, li huwa d-destin veru tagħna mhux il-glorja ta’ din id-dinja. Id-destin tagħna huwa l-proċess tal-qawmien li huwa r-risposta tal-ħniena ta’ Alla għall-proċess tal-mewt li huwa l-kundanna tagħna bħala kreaturi.
Id-destin tagħna huwa l-proċess tal-qawmien li huwa r-risposta tal-ħniena ta’ Alla għall-proċess tal-mewt li huwa l-kundanna tagħna bħala kreaturi.
Imma dan il-proċess tal-qawmien fih, ħa ngħiduha bil-kliem tagħna l-bnedmin, ġerarkija gradwatorja: “Kulħadd skont kif imissu”. Jibda l-ewwel frott li hu Kristu u aħna niċċelebraw dan l-avveniment tal-irxoxt ta’ Ġesù fl-Għid il-Kbir. Ġesù, l-Iben Alla magħmul bniedem fil-ġuf tal-Verġni Marija, iqum mill-imwiet imma hu l-Iben ta’ Alla. Il-qawwa tad-divinità li tgħammar fih hija l-prinċipju attiv, il-kawża effiċjenti tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Qam mill-mewt.
Imbagħad fil-gradwatorja tal-fidi tagħna, hemm ommu Marija għax aħna x’qed niċċelebraw eżatt illum? Li Marija ta’ Nazaret mietet! It-tradizzjoni arkeoloġika ta’ Ġerusalemm tinsisti li l-Madonna mietet f’Ġerusalemm u l-qabar tagħha għażluh u għadu jinsab sallum f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Il-fidi tagħna tgħallimna li għalkemm indifnet bħalma nindifnu aħna l-kreaturi bnedmin, il-ġisem tagħha ma rax it-taħsir; ġie rxuxtat mhux bħal Lazzru, jew bħat-tifla ta’ Ġajru, jew bħat-tifel tal-armla ta’ Najn. Dawn kienu bnedmin li l-Mulej bil-qawwa tiegħu reġġagħhom lura lejn il-ħajja ta’ din l-art.
L-irxoxt tal-iben u l-irxoxt tal-ommLil ommu, Ġesù għaddieha mill-istess proċess li għadda hu. Il-qabar tagħha vojt u għadu magħna sallum bħalma għadu magħna sallum il-qabar ta’ Ġesù, is-Santu Sepulkro. F’Ġerusalemm għandna żewġ oqbra għeżież għalina, imma aħna l-Insara, esperti fl-oqbra vojta għaliex dak li jinżera’ f’dawn iż-żewġ oqbra, ta’ Ġesù u ta’ Marija, biex jiġi sottopost għar-regola tat-taħsir, sar il-post tal-qawmien. Id-differenza bejn l-irxoxt tal-iben u l-irxoxt tal-omm, l-irxoxt ta’ Ġesù u l-irxoxt tal-Madonna, hija li l-Madonna m’għandha l-ebda qawwa divina u m’għandha l-ebda qawwa li tqum mill-imwiet, imma huwa binha l-Mulej li jħares ’l ommu mit-taħsir u jirxuxtha u jassumieha fil-ġenna, għalhekk ngħidulha ‘Assunta’. U bir-raġun aħna l-Maltin insejħu din il-festa ‘l-Għid tal-Assunta’. L-Għid ifisser festa kbira imma aħna fil-lingwaġġ tagħna nużawh għal dawn iż-żewġ avvenimenti: l-Għid il-Kbir (l-irxoxt ta’ Ġesù) u l-Għid tal-Assunta (l-irxoxt ta’ Marija). Tassew kif qalet hi: “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49).
Lilna ħelisna għax aħna mgħazzin fid-dnub … Il-Madonna ġiet imħarsa minn kull dnub.
Imma għaliex kien hemm bżonn din il-ħaġa? Għaliex il-Mulej Ġesù fl-imħabba tiegħu lejn ommu għażel li jesprimi u juri l-qawwa, is-setgħa u l-ħniena tiegħu b’dan il-mod? Irridu nħarsu l-ewwel nett lejn it-tnissil tagħha. Il-fidi tagħna tgħallimna li t-tnissil ta’ Marija huwa t-tnissil mingħajr l-ebda tebgħa tad-dnub. U hawnhekk il-Mulej ukoll intervjena fit-tnissil tagħha billi lil ommu ħarisha mit-taħsir tad-dnub. Lilna ħelisna għax aħna mgħazzin fid-dnub; jeħlisna bil-qawwa qaddisa tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, imma aħna li aħna midinbin, għandna bżonn ninħelsu. Il-Madonna ġiet imħarsa minn kull dnub.
U hekk ukoll kien jixraq li hi tiġi mħarsa mit-taħsir tal-mewt. Hi u dieħla fid-dinja bħala bniedma ġiet imħarsa mit-taħsir tad-dnub; hi u ħierġa mid-dinja bħala bniedma ġiet imħarsa mit-taħsir tal-mewt. Aħna ninħelsu mit-taħsir tad-dnub bil-qawwa tal-magħmudija, bil-qawwa tal-qrar li hija l-magħmudija fil-ħelsien mid-dnub li tiġi rrepetuta kemm hemm bżonn għax Alla ma jagħmilx limitu għal ħniena tiegħu, u niġu wkoll meħlusa mill-proċess tal-mewt fil-misteru tal-qawmien għall-ħajja, “kulħadd skont kif imissu”.
“Jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu” (1Kor 15:23). L-Assunta hija xi ħaġa bejn dawn iż-żewġ mumenti u għalhekk l-Għid tal-Assunta huwa verament motiv għaliex aħna nsejħulha hienja. “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Lq 1, 47-48). Għaliex? Għax “is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.
Binha huwa x-xemx tal-ġustizzja, imma hija mlibbsa bix-xemx.
Il-liturġija tal-lum titkellem dwar mara sabiħa. L-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi, isemmi “Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha” (Apok 12:1). Huma elementi li nsibuhom fl-istatwa għażiża tal-Assunta. Mhijiex ix-xemx, imma mlibbsa x-xemx. Imlibbsa x-xemx għaliex huwa binha fl-imħabba tiegħu, u Alla l-Missier fl-imħabba tiegħu, Alla l-Ispirtu s-Santu, Alla l-Imbierek li libsu lil din il-mara bid-dija li libsuha x-xemx. Binha huwa x-xemx tal-ġustizzja, imma hija mlibbsa bix-xemx.
“U deher sinjal kbir fis-sema” (Apok 12:1). Il-qamar ukoll jirrifletti d-dawl tax-xemx. Mhuwiex is-sors tad-dawl imma r-rifless tad-dawl tax-xemx. Dawn l-immaġini juruna li l-Madonna mhijiex Alla imma hija Omm Alla. Is-sbuħija tagħha hija rifless tas-sbuħija ta’ binha bħalma l-libsa tagħha hija mlibbsa bix-xemx u l-qamar jirrifletti d-dawl mix-xemx. Il-kuruna tat-12-il kewkba tfisser il-hena ta’ Iżrael għal bintu li saret sultana. Hija wkoll it-tgħanniqa tal-Knsija mibnija fuq it-tnax il-kolonna li huma l-appostli, li ddawwar ix-xbieha tal-omm bit-12-il kewkba biex tgħidilha aħna nħobbuk, inqimuk, insejħulek tassew hienja.
“F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir” (S 44:10) Il-liturġija tal-lum tfakkarna li s-sultan bena u għażel l-għamarja tiegħu fostna u din hija Marija. Libbisha bix-xemx, poġġieha fuq il-qamar, żejjinha bi 12-il kewkba, imma hi l-kapolavur tal-imħabba, tal-ħniena u tal-grazzja tiegħu. Hu l-basileus u hi l-basilisa għaliex hi l-ewwel frott tas-saltna ta’ Alla tal-basilea.
U aħna llum nifirħu f’din il-bażilika minuri ġdida fjamanta u nitfakru li l-kelma ‘bażilika’ ġejja minn dawn it-titli sbieħ tas-saltna, tal-basilea, tas-sultana, il-basileus, tas-sultana il-basilissa, għaliex il-bażilika hija t-tempju tas-sultan, l-awla tas-sultana. Imma s-saltna ta’ Alla li tagħha Marija hija ċittadina ta’ vera, hija saltna ta’ servizz.
Is-saltna tal-qadi u tas-servizzL-Evanġelju li smajna llum jeħodna fix-xena tal-Madonna li tiddeċiedi wara l-annunzjazzjoni li tmur iżżur lil qariba tagħha li l-anġlu kien qalilha li għandha sitt xhur tqala. “Marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija,” u bħalma jagħmlu n-nisa, “sellmet lil Eliżabetta” (Lq 1, 39-40). Eliżabetta kellha bżonn il-karità tal-Madonna għaliex hi li qed iġġorr fil-ġuf purissmu tagħha lis-Sultan tas-Slaten, għandha iżjed minn istint qawwi: għandha l-Ispirtu tal-Mulej li jimbuttaha għas-saltna tas-servizz u tal-qadi.
Din hi s-saltna li tippreżentalna s-Sultana tagħna: is-saltna tal-qadi u tas-servizz mibnija fuq il-verità u l-ġustizzja, fuq il-paċi, l-imħabba ta’ xulxin, fuq l-onesta u fuq l-integrità.
Hi stess tirrifjuta kull saltna arroganti meta tgħid: “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla liċ-ċkejnin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1:52). Hemm setgħa, hemm għana li l-Madonna tirrifjutah. Hija s-setgħa u l-għana li jħarsu biss lejn il-poter ta’ din id-dinja. Imma hi tħaddan iċ-ċkunija, l-umiltà, il-ħniena u l-imħabba għas-saltna tal-qaddejja ta’ Iżrael. “Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1:54). U hi meta tirreferi lilha nnifisha, qatt ma tgħid ‘jien sultana’ imma “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Din hi s-saltna li tippreżentalna s-Sultana tagħna: is-saltna tal-qadi u tas-servizz mibnija fuq il-verità u l-ġustizzja, fuq il-paċi, l-imħabba ta’ xulxin, fuq l-onesta u fuq l-integrità. Hija saltna li tieħu ħsieb il-proxxmu, li tieħu ħsieb il-veru ġid ta’ kull wieħed u waħda minna.
Din hija wkoll vokazzjoni speċjali ta’ din il-komunità li rċeviet mingħand il-Papa Franġsiku s-sejħa u r-responsabbiltà li tkun komunità marbuta b’mod speċjali mal-Papa u l-ministeru tiegħu. Jiena nirringrazzjakom tat-turija ta’ solidarjetà li wrejtu meta kkonsagrajna l-artal ta’ din il-bażilika minuri u ħsibtu b’mod konkret fid-Dar tal-Kleru, fid-Dar tal-Providenza u fis-servizzi tal-Caritas.
Din hija s-saltna tagħna: ma nistgħux inkunu Nsara u ma naħsbux kontinwament f’min għandu bżonn. Aħna jrid ikollna ġuħ u għatx għall-ġustizzja għax aħna membri ta’ din is-saltna, tas-saltna tal-Mulej li ta ħajtu fuq is-salib u li ta’ 40 jum, tarbija ċkejkna f’dirgħajn ommu, irċieva l-profezija sabiħa u fl-istess ħin ta’ niket: “Dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2:32) imma “sinjal ukoll li jmeruh” (Lq 2:34). Bħalma jgħidu s-santi padri: “Dik li ratu mdendel fuq is-salib u li sejf nifdilha ruħha f’dak il-mument ta’ għajb u mistħija, umiljazzjoni kien jixraq li tikkontemplah fil-glorja bħala ommu l-għażiża”.
Aħna nitolbu lill-Madonna biex issaltan fuqna, qaddejja tal-Mulej u tagħmel minna qaddejja umli tal-Mulej. Ma ninsew qatt li binha fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu, biex juri min hu, ħasel riġlejn l-appostli u qalilhom: “Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:14). Ejjew nitolbu biex aħna nmantnu lil xulxin bi kliem ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba, b’għemil ta’ fidi, b’għemil ta’ tama, u b’għemil ta’ mħabba għaliex dan ikun il-veru sens għall-festa kbira tas-Sultana l-Kbira.
Viva Santa Marija!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab
Salm: 44
Qari II: 1 Kor 15: 20-26
Evanġelju: Lq 1:39-56 -
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti