Kif nafu lkoll, bħalissa ma’ diversi pajjiżi qed tixtered ħafna l-Coronavirus (COVID-19).
Bħala miżura ta’ prekawzjoni u biex jiġi evitat kemm jista’ jkun il-periklu ta’ tixrid tal-Coronavirus, sakemm jingħataw direttivi oħra, it-Tqarbin Ewkaristiku bl-ostja għandu jsir biss fl-idejn u mhux fil-ħalq.
Fil-każijiet permessi għal Tqarbin mill-kalċi, it-Tqarbin m’għandux isir billi wieħed jixrob direttament mill-istess kalċi, iżda biss ‘per intinctionem’.
Infakkru wkoll li min jiċċelebra l-Quddiesa għandu jassigura ruħu li jkun iddiżinfetta idejh sewwa qabel ma tibda l-Quddiesa u, f’każ ta’ bżonn, qabel jibda jqarben. L-istess il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin, kif ġa hi drawwa regolari, għandhom jassiguraw li jiddiżenfettaw idejhom qabel ma jqarbnu.
Hi responsabbiltà tagħna lkoll li nieħdu l-miżuri kollha biex nevitaw dak kollu li b’xi mod jista’ jxerred il-mard, speċjalment fejn jinġabru numru kbir ta’ nies bħall-knejjes jew swali tal-Knisja.
Dawn id-direttivi qed jingħataw wara pariri minn esperti fil-qasam tas-Saħħa.
Maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, il-Furjana, illum 24 ta’ Frar 2020.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali
Lawrence Gatt
Kanċillier