-
Direttorju ġdid tal-Knisja f’Malta
-
Ġie ppublikat id-direttorju tal-Knisja għas-sena 2014 b’aktar minn 500 paġna ta’ tagħrif aġġornat, bil-Malti u bl-Ingliż, dwar l-istrutturi, l-oqsma u l-entitajiet kollha tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Id-direttorju Ekkleżjastiku jinkludi tagħrif dettaljat dwar il-Kurja ta’ Malta, is-Segretarjati u l-Kummisjonijiet, il-parroċċi, l-Ordnijiet Reliġjużi, l-Istituzzjonijiet, l-Għaqdiet u l-Movimenti, id-Djar tal-Anzjani u Skejjel tal-Knisja.
It-taqsima dwar il-parroċċi fiha tagħrif dwar l-għadd ta’ parruċċani u ta’ familji; Quddies matul il-ġimgħa, fil-Ħdud u l-Festi; purċissjonijiet; lista ta’ l-għaqdiet u movimenti reliġjużi rappreżentanti fil-parroċċa; in-numru ta’ Magħmudijiet, l-Ewwel Tqarbina, Griżma tal-Isqof, Żwiġijiet u Funerali tas-sena ta’ qabel f’kull parroċċa; u l-knejjes u kappelli fejn jistgħu jiġu ċċelebrati ż-żwiġijiet.
Id-Direttorju jinkludi wkoll l-ismijiet tal-qassisin kollha ta’ Malta, flimkien ma’ l-indirizz tar-residenza, in-numru tat-telefon u indirizzi ta’ l-email, tagħrif dwar saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin li qed jagħtu servizz lill-Knisja f’pajjiżi oħrajn; u taqsima dwar id-Djoċesi ta’ Għawdex u saċerdoti f’Għawdex.
Id-Direttorju Ekkleżjastiku 2014 ġie editjat minn Mons. Joe Magro u qed jinbiegħ għall-prezz ta’ 15-il Ewro mill-Kurja tal-Arċisqof u mill-Istitut Kattoliku l-Furjana u minn ‘Emmaus’ f’Birkirkara.