-
-
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Dun Anthony Cassar bħala Direttur tad-Dar tal-Kleru (ir-residenza għas-saċerdoti morda u anżjani) u Arċipriet tal-Imdina.
Dun Anthony Cassar twieled is-Siġġiewi fil-5 ta’ Awwissu, 1946. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja f’Ħal-Luqa, l-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Dun Anthony ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974. Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa tas-Siġġiewi u fil-Moviment Azzjoni Soċjali. Ħadem ukoll fl-Uffiċċju Missjunarju u fl-Uffiċċju tal-Kleru, Parroċċi u Ħajja Reliġjuża, fil-Kurja tal-Arċisqof. Fl-1983 inħatar kappillan tal-Għargħur fejn serva għal tmien snin u fl-1991 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid. Fl-1998 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar u fl-2003 inħatar Prepostu Arċipriet tal-parroċċa ta’ Sant Elena, Birkirkara.
Il-parroċċa tal-Imdina tiġbor fiha madwar 230 persuna f’100 familja.