L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. nnomina lil Fr Joe Borg biex ikun Direttur tal-Appostolat tal-Baħar.
Fr Borg twieled Ħal Qormi (Parroċċa San Bastjan) nhar is-7 ta’ Frar 1943. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi u fis-Seminarju Minuri. F’Ottubru tal-1962 beda l-kors tal-Filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot fl-1970. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet fil-parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, fejn għal perijodu ta’ ħames snin kien viċi-kappillan. Wara huwa ħadem fil-Kurja tal-Arċisqof għal xi żmien u fl-1978 beda jgħallem fil-Kulleġġ De La Salle. Fil-preżent, Fr Joe qiegħed jagħmel xogħol volontarju bħala Direttur Spiritwali tal-istess skola.
L-Appostolat tal-Baħar hi ħidma prinċiparjament fuq il-vapuri li jidħlu Malta, mal-ekwipaġġ u l-baħrin. Din il-ħidma mhux biss tirrigwarda l-kura spiritwali ta’ dawn il-baħħara imma wkoll għajnuna oħra ta’ natura karitatevoli u soċjali.
Id-direttur tal-Appostolat tal-Baħar, flimkien mal-grupp tiegħu, ilhom jieħdu ħsieb li din il-ħidma spiritwali u soċjali titwettaq bl-akbar dedikazzjoni sa mis-snin ’50. Il-Provinċja Franġiskana tal-patrijjiet minuri, magħrufa bħala ‘Ta’ Ġieżu’, daħlet għal dan l-appostolat sa mill-bidu tiegħu. Bħala sede ta’ dan l-appostolat intgħażlet il-Kappella tal-Madonna tal-Liesse. Din il-Kappella tinsab viċin il-Port il-Kbir u d-Dwana u għalhekk hi post idejali biex tilħaqq dan il-għan. Barra minn hekk din il-Kappella dejjem kellha rabta mal-baħħara. Għalhekk il-Patrijiet Franġiskani Minuri kellhom l-inkarigu li jieħdu ħsieb il-Kappella u jwettqu dan l-appostolat.
Wara snin twal f’dan l-appostolat, il-Provinċja Franġiskana waslet f’diffikultajiet biex tkompli twettaq din il-ħidma fost il-baħħara minħabba nuqqas ta’ vokazzjonijiet u għalhekk il-Patri Provinċjal talab li jiġu eżentati mil-ħidma tagħhom. Is-Segretarjat tal-Emigrazzjoni u t-Turizmu xtaq jirringrazzja lill-Provinċja tal-Franġiskani Minuri għall-hidma kollha li wettqu matul is-snin.
L-Appostolat tal-Baħar hu parti mis-Segretarjati tal-Knisja f’Malta u f’rabta mal-Kunsill Pontifiċju għall-appostolat tal-persuni li jkunu fi vjaġġ. Id-delegat tal-Arċidjoċesi ta’ dan is-Segretarjat, li jieħu ħsieb jikkoordina din il-ħidma, hu d-direttur tal-Kummissjoni Emigranti.