Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Ġunju, 2010, Vġili tas-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., se jordna disa’ saċerdoti ġodda fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina. Il-funzjoni tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija. Kulħadd huwa mistieden biex jattendi u jitlob għall-qdusija tas-saċerdoti, speċjalment għal dawk li se jiġu ordnati dakinhar. Dawk li se jiġu ordnati saċerdoti huma:
Rev. Deo Debono OSA, Rev. Stefan Galea (Naxxar), Rev. Mark Ellul (San Sebastjan, Qormi); Rev. Emmanuel Schembri (Kristu Re, Raħal Ġdid), Rev. Mario Sant OFM Conv., Rev. Blake Camilleri (Balzan), Rev. Josef Briffa SJ, Rev. Marc Andrè Camilleri (Lija), Rev. Noel Borg (Santa Elena, Birkirkara).
Kumment ġenerali minn għandhom: “Nistqarru li kellna grazzja kbira li bi preparazzjoni għall-presbiterat kellna sena sħiħa ta’ tagħlim fuq is-saċerdozju ta’ Kristu li ġie provdut lill-komunita’ Nisranija frott diversi inizjattivi li saru matul is-Sena tas-Saċerdot. Dak kollu li għaddiet minnu l-Knisja, kemm is-sabiħ u l-inqas sabiħ, akkumpanjat mit-tagħlim tat-teologu ewlieni ta’ żmienna, il-Papa Benedittu XVI, serva biex iktar nidħlu f’dan id-don u misteru ta’ Kristu, kif sejjaħ il-vokazzjoni tagħna l-mibki Ġwanni Pawlu II. Minn dak kollu li smajna matul din is-sena speċjali, se jibqa’ stampat f’qalbna l-motto meħud mill-kliem tal-Kurat ta’ Ars, San Ġwann Maria Vianney: Il-Fedeltà tas-Saċerdot, il-Fedeltà ta’ Kristu. Itolbu għalina biex inkunu ministri ta’ din il-fedeltà ta’ Kristu lejn il-bnedmin kollha”.