Il-Kulleġġ tal-Kappillani f’dawn l-aħħar snin għamel diversi riflessjonijiet fuq temi attwali waqt il-Live-Ins annwali tiegħu u waqt il-laqgħat regolari tal-Kulleġġ. Dawn it-temi jolqtu direttament il-ministeru pastorali tal-kappillani u għalhekk ġew żviluppati linji-gwida li ġew diskussi waqt il-Live-in ta’ din is-sena. Il-preżentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida saret minn Patri Joe Saliba O. Carm, Kappillan tal-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys,  u Dun Albert Buhagiar, Arċipriet tal-parroċċa tal-Mosta. La darba jiġu ffinalizzati, dawn għandhom jgħinu lill-kappillani biex iżommu ruħhom ffukati fuq dak li hu l-uffiċċju proprju tagħhom.  Dawn il-linji-gwida huma ndirizzati biex jolqtu dawn l-aspetti primarji fil-ħajja tal-kappillan:

  • Il-kappillan bniedem ta’ Alla
  • L-ispiritwalità tal-komunjoni
  • L-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi
  • Ir-relazzjoni mal-lajċi
  • L-għażla tal-foqra

1.  “Biex ikunu miegħu” (Mk. 3,14)

Il-kappillan il-bniedem ta’ Alla

  • Il-kappillan, fl-istruttura tal-ġurnata tiegħu għandu jħoss il-bżonn li jħalli ħin solidu biex jinġabar fit-talb.
  • L-istil ta’ ħajja li jadotta għandu jirrifletti l-valuri tal-Vanġelu (sempliċità, sens ta’ sagrifiċċju, modestja, divertiment adekwat, safar, mistrieħ).
  • Isir jixbaħ aktar lil Kristu fl-umanità tiegħu billi jkabbar fih is-sens ta’ umiltà, ħlewwa u sabar.

2.  “Biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw. 17, 21)

L-Ispiritwalita’ tal-komunjoni

  • Il-kappillan ikun fus li jgħaqqad madwaru s-saċerdoti li jaħdmu miegħu fil-parroċċa.
  • Ikollu attitudni ta’ nkoraġġiment u ta’ apprezzament mal-presbiterju parrokkjali.
  • Il-kappillan irid jifhem li l-ubbidjenza li wiegħed lill-Isqof titlob minnu li jkun fehma waħda fid-deċiżjonijiet u d-direttivi li joħorġu mill-Kulleġġ tal-Kappillani, u fid-direzzjoni li tagħti d-Djoċesi fil-Pjan Pastorali.
  • Irid iġorr f’qalbu t-tbatija u s-salib tal-ħajja tal-Knisja, b’disponibilità sħiħa u konkreta għal dak li titlob minnu l-missjoni tiegħu bħala kappillan.

3. “Biex jibagħthom jippriedkaw” (Mk. 3, 14)

L-Evanġelizzazzjoni u l-Katekeżi

  • Il-kappillan ikun midħla tal-Kelma ta’ Alla.
  • Iħoss il-bżonn li jagħmel konverżjoni pastorali fejn jidħlu strutturi, metodi u ħeġġa biex ikun jista’ jasal għal evanġelizzazzjoni ġdida.
  • Bl-eżerċizzju tal-lectio divina regolari, il-kappillan iwassal din il-Kelma ta’ Alla fil-ministeru pastorali tiegħu.
  • Għandu jieħu b’responsabbiltà l-oneru pastorali afdat f’idejh billi jara li l-amministrazzjoni ta’ sagrament issir bi tħejjija u katekeżi xierqa. L-amministrazzjoni tas-sagramenti hija okkażjoni qawwija ta’ evanġelizzazzjoni.
  • Is-Sagramenti huma mumenti importanti fil-ħajja tal-Knisja u ta’ min jirċeviehom. Għalhekk hija responsabbiltà fil-ministeru tiegħu ta’ kappillan li jwassal il-messaġġ li ċ-ċelebrazzjoni ta’ kull sagrament hi ħafna iktar minn mument soċjali, u li jwassal lin-nies għalihom bi preparazzjoni xierqa u responsabbli. Għalhekk għandu jwaqqaf strutturi adegwati biex is-sagramenti ikunu akkumpanjati b’mixja ta’ fidi u b’katekeżi kontinwa għall-benefiċċju tal-Poplu ta’ Alla.

4. “Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott” (Ġw. 15, 5)

  • Il-preżenza tal-kappillan f’Jum il-Mulej għandha tgħin mhux biss waqt il-mument taċ-ċelebrazzjoni, imma wkoll bħala mument biex jiltaqa’ man-nies u jinbena aktar is-sens ta’ komunità.
  • Waqt li jara li jkunu osservati n-normi liturġiċi, għandu jara li l-liturġija ma titqalx b’ritwaliżmu,  żidiet u tul bla bżonn, rutina u nostalġija tal-passat.
  • L-Ewkaristija tiddomina u taħkem il-personalità u l-umanità tal-kappillan biex hekk fl-imġieba tiegħu kollha jkun jidher it-twemmin marbut ma’ kif qed jgħix.
  • Il-Kelma ta’ Alla hija waħda mill-presenzi ta’ Alla  fil-komunita ekkleżjali.  Jeħtieġ li l-kappillan jikber fl-għarfien tal-Kelma ta’ Alla bħala presenza.
  • Il-Kelma ta’ Alla trid tkun li tinfluwenza l-ħajja u l-imġieba kollha tiegħu.
  • L-esperjenza profonda tiegħu mal-Kelma tħeġġu jistimola diversi tiġdid, u inizjattivi ġodda ta’ evanġelizzazzjoni fil-lajċi li jaħdem magħhom.
  • Ikun iċċarat xi tfisser eżatt amministrazzjoni ta’ sagramenti.
  • Il-kappillan irid joħloq bilanċ bejn dik l-amministrazzjoni li hija strettament marbuta mal-ministeru tiegħu ta’ kappillan u dik l-amministrazzjoni li tista’ tiġi delegata; ikun jaf kif għandha tiġi delegata.

5.  “Niġbed lill-bnedmin kollha lejja” (Ġw. 12,32)

i. Il-kappillan irid jissaħħaħ u jitħeġġeġ fl-imħabba pastorali.

  • Ikollu l-umiltà fejn ikun jista’ jilqa’ kritika oġġettiva.
  • Jagħżel numru ta’ operaturi pastorali u jagħmel magħhom esperjenza ta’ fidi.
  • Dan għandu jwassal biex flimkien magħhom ikompli jibni l-komunità b’mod responsabbli.
  • Il-fiduċja li l-kappillan jibni fin-nies għanda sservi ta’ ġid  għalih u għalihom fil-ħidma pastorali.
  • Il-mument ta’ flimkien fil-presbiterja parrokkjali, fl-Unità Pastorali u fil-Kulleġġ tal-Kappillani għandhom iħeġġu fl-imħabba u fil-ħeġġa pastorali.
  • Dawn huma mumenti li jwasslu lill-kappillan jagħraf ir-riżorsi fil-ħidma flimkien.

ii. Il-qadi tal-ministeru tagħna irid iwassal biex il-kappillan jagħmel mixja ta’ fidi mal-poplu tiegħu.

  • Ikollu ħerqa biex ikun miftuħ għal kulħadd.
  • Il-mod kif jgħix u jitkellem joħloq sens ta’ kompassjoni u fiduċja fil-komunità afdata f’idejh.
  • Jgħarbel regolarment lilu nnifsu dwar kemm ifittex dak li jaqbel lilu jew dak li jaqbel għall-parruċċani.

6.  “Mill-ħażna tiegħu joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim” (Mt. 13, 52)

i. Il-kappillan għandu jħoss ir-responsabbiltà biex dak li toffri d-Djoċesi bħala aġġornament u formazzjoni jisfruttah mill-aħjar li jista’.

ii.   Il-kappillan għandu jkun saċerdot li jħobb lil kulħadd, ikun ta’ kulħadd u jkun sinjal li hu bniedem ta’ Alla, imexxi bi qdusija, b’imħabba u b’sens ta’ qadi.

iii. Fiż-żminijiet tal-lum, l-enfasi tal-kappillan trid tkun aktar fuq il-being (bniedem ta’ Alla), milli fuq id-doing.

iv.  Minn dak li hu tradizzjonali jisfrutta u joħroġ il-ġid pożittiv tiegħu.

  • Dak li jara li qed itellef għandu jkollu l-kuraġġ inneħħih.
  • Dak li jimpenja ruħu fih, għandu jagħmlu sew u b’impenn.

7.  “Ilkoll tgħammidna fi spirtu wieħed” (1 Kor 12, 13)

i. Jinvesti fl-għażla u fil-formazzjoni ta’ l-operaturi pastorali.  Fl-għażla tal-persuni irid jiġi kkunsidrat:

  • Il-kapaċità ta’ l-individwu
  • Il-motivazzjoni u
  • L-impenn

ii.   Il-formazzjoni għandha tkompli tibni fuq dawn l-aspetti:

  • Id-dixxerniment u l-għażliet pastorali huma l-isfida li l-kappillan flimkien ma’ l-operaturi pastorali għandu jagħmel biex jasal għal deċiżjonijiet pastorali li jwasslu għal dan:
    • Il-Presbiterju Parrokkjali
    • Il-Kunsill Pastorali
    • L-Assemblea Parrokkjali

iii. Il-lajċi juriehom ħeġġa, entużjażmu u apprezzament.  L-ikbar kuraġġ u ħeġġa tal-lajċi, jiġu mis-sens ta’ kuraġġ u ħeġġa li jkollu l-kappillan.

iv. Meta wieħed joħloq dan is-sens ta’ fiduċja, is-sens ta’ familja, is-sapport jiġi waħdu.

8. “Għandi wkoll ngħaġ oħra li mhumiex minn dan il-maqjel.”  (Ġw. 10, 16)

i.    L-isfida tal-kappillan illum mhux biss għandha tingħata fil-pastorali fil-knisja, imma li joħroġ u jfittex in-ngħaġ il-mitlufa, lill-imbegħdin u lill-indifferenti.

ii.   Il-kappillan irid juża l-mezzi kollha biex jifhem ir-realtà soċjali tal-parroċċa, jifhem is-sinjali taż-żminijiet, u jindika d-dawl fl-aspetti li wieħed għandu jaħdem fuqhom.

Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]