L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mark 8:34). Dawn it-tlieta jsemmihom Ġesù għal min irid ikun dixxiplu tiegħu. Hu jgħid li min irid jimxi warajh għandu dawn it-tliet għażliet fil-ħajja li huma importanti.
X’jiġifieri “jiċħad lilu nnifsu”? Meta jien niċħad lili nnifsi, x’ifisser? Ġesù mhux qed jgħid li aħna ma għandniex infittxu li nkunu aħjar fil-ħajja, jew li niżviluppaw it-talenti tagħna, jew li anke li nfittxu tassew dak li fil-ħajja jgħinna biex nimxu ’l quddiem. Ma jfissirx hekk “tiċħad lilek innifsek”. Imma niċħad lili nnifsi jfisser li jien niċħad l-ewwel nett il-ħażen li jkun hemm fija, jew madwari u jinfluwenza lili, u li, jekk ma noqgħodx attent, imexxini fi triq żbaljata. Niċħad lili nnifsi jfisser li niċħad l-għira, il-mibegħda, is-sentimenti f’qalbi li jfixklu l-paċi, l-egoiżmu. Dan li qed jgħid Ġesù. Meta niċħad lili nnifsi, qed niċħad dak li fil-fatt imexxini fi triq ħażina. Hemm ukoll, meta jgħid “jiċħad lilu nnifsu”, jiġifieri li jien niċħad dak li fih innifsu mhux ħażin imma, jekk ma noqgħodx attent, ma jħallix post, spazju għal Alla fil-ħajja tiegħi. Per eżempju, il-ġid jew l-ambizzjoni – jekk ma noqgħodx attent dawn il-ħidmiet fil-ħajja tiegħi ma jħallux spazju, għalhekk irrid noqgħod attent u niċħad dak li ma jħallix spazju lill-Mulej.
Ġesù jgħid ukoll: “jerfa’ salibu”. X’jiġifieri terfa’ salibek? Is-salib, fi żmien Ġesù b’mod speċjali, kien ifisser tbatija, umiljazzjoni u mewt. Meta Ġesù qed jgħid li jien nerfa’ salibi, jiġifieri li lest li nbati għal dak li hu sewwa. Jew lest li nħares lejn it-tbatija bl-għajnuna li jagħtina l-Mulej. Imma meta Ġesù jgħid nerfa’ salibi, qed jgħid dejjem li nagħmel dak li hu sewwa. Tista’ tkun għalik xi persuna tkun qisha s-salib, jew minħabba xi tip xogħol, jew minħabba mard li jkun għalija s-salib.
Imma rridu noqogħdu li meta Ġesù jgħid “terfa’ salibek”, ma jfissirx li int taċċetta sitwazzjoni ta’ abbuż. Jekk inti, ħa nġib eżempju, qed tbati minħabba vjolenza domestika, kemm minħabba s-swat, kemm minħabba xi weġgħat oħra jew insulti kontinwi, jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika, li terfa’ s-salib tiegħek ma jfissirx li tgħid “dan hu s-salib tiegħi, issa; noqgħod hawn u naċċetta sitwazzjoni ta’ abbuż”. Għandek salib, imma s-salib huwa li tieħu l-passi kollha meħtieġa biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż, biex ma tibqax vittma. Dik hi t-triq, kultant iebsa verament u teħtieġ anke l-appoġġ u l-għajnuna, dak hu s-salib li trid terfa’ f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Għalhekk aħna rridu noqogħdu dejjem attenti u nistaqsu: “x’inhu s-salib tiegħi hawnhekk, f’dis-sitwazzjoni?” Kultant ikollok salib meta tipprova tagħmel it-tajjeb u taqlagħha fuq wiċċek. Meta int taħdem għal dak li hu sewwa, veru li kultant dan ifisser li terfa’ salibek, kif qed jgħid Ġesù.
Imbagħad Ġesù jgħid ukoll: “jimxi warajja”. Dan għaliex min hu dixxiplu jimxi wara Ġesù. Aħna msejħin biex nimxu warajh. Jekk jien Ġesù jkun tassew ir-ragħaj it-tajjeb li jmexxini, hemm jiena dixxiplu tiegħu. Jekk jien nimxi wara ħaddieħor, jew wara min ibegħidni minn Ġesù, hemmhekk mhux miexi warajh, miexi ’l bogħod minnu. Għalhekk aħna rridu naħsbu tassew kif nimxu warajh, insegwu lilu f’dak li jgħidilna u f’dak li jitlob minna, għax nafu li mexjin fit-triq it-tajba. Dejjem mhix faċli din, u dejjem se jkollna għażliet li rridu nagħmlu. Għalhekk Ġesù jgħid ukoll: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha” (Mark 8:35). X’ifisser titlef ħajtek? Ifisser li int tagħti ħajtek bħalma għamel Ġesù, li dak li jmexxik fil-ħajja hu tassew l-ispirtu ta’ mħabba li tfisser għotja, mhux li tfittex lilek innifsek. Għax jekk int tfittex biss fil-ħajja is-suċċess, il-poter, il-flus, il-pjaċir bħal għanijiet fihom infushom, hemmhekk hemm dak li qed jgħid Ġesù hawnhekk: “X’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha, imma jitlef ħajtu?” (Mark 8:36). Titlef l-aktar importanti: li tgħix ħajtek fil-paċi u fl-imħabba ta’ Alla.
Nitolbu lill-Mulej illum li aħna, bħala dixxipli tiegħu, nisimgħu dil-kelma tiegħu, ngħożżuha f’qalbna u ngħixuha f’ħajjitna; li aħna nimxu warajh billi niċħdu lilna nfusna fejn meħtieġ, nerfgħu s-salib tagħna, u jkun dejjem hu li jmexxina ħalli aħna nimxu fit-triq it-tajba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju