Il-Vatikan ħabbar li dokumenti uffiċjali li jikkostitwixxu firxa ta’ iktar minn 40 sena huma issa aċċessibbli online. Il-ġabra sħiħa ta’ Actae Sanctae Sedis u l-Atti tas-Santa Sede bejn l-1865 u l-2007 magħrufa bħala l-Acta Apostolicae Sedis, issa huma aċċessibbli fuq l-internet f’format pdf. Aċċessibbli wkoll hija kollezzjoni ta’ volume sħaħ ta’ Atti minn żmien it-tieni gwerra dinjija, ippubblikati b’ordni ta’ Pawlu VI fl-1965, editjati minn grupp speċjalizzat ta’ erba’ Ġiżwiti storiċi.
Il-proġett li permezz tiegħu l-informazzjoni telgħet online, sab l-appoġġ tal-Fondazzjoni PAVE THE WAY, ibbażata fi New York. Stqarrija minn din il-Fondazzjoni innutat li l-kollezzjoni ta’ iktar minn 9,000 paġna, tiġbor kontenut ta’ 5,125 dokument li għadhom mhumiex katalogizzati fl-Arkivji Sigrieti tal-Vatikan, u konsegwentement għadhom mhumiex miftuħa għall-pubbliku. Dawn id-dokumenti kienu fiċ-ċentru ta’ kontroversja meta riċerkaturi kienu għadhom qed jippruvaw jindirizzaw dibattitu dwar ir-rwol ta’ Papa Piju XII fil-ħelsien tal-Lhud mill-Olokawst.
Gary Krupp, President tal-Fondazzjoni PAVE THE WAY, qal li l-proġett ta’ riċerka huwa “estremament importanti”.
VATICAN CITY, (Zenit.org)