-
-
L-intraprenditur Paul Gauci offra 750,000 f’ishma lil Caritas Malta kif ukoll lid-Dar tal-Providenza 75% tal-ishma tiegħu minn PG plc, li jfisser li ż-żewġ entitajiet mhux biss se jirċievu l-valur tal-kapital f’ishma, imma wkoll żewġ dividendi fis-sena, skont il-prestazzjoni tal-kumpanija.
Għalkemm Caritas Malta u d-Dar tal-Providenza diġà jirċievu legati b’mod regolari, din id-donazzjoni hija kkunsidrata ogħla, peress li se tagħtihom iċ-ċans li jippjanaw bil-quddiem, xi ħaġa li normalment hija ferm diffiċli għall-entitajiet li jibbażaw ħafna l-ħidma tagħhom fuq ġbir ta’ fondi.
“Xtaqt li nagħtihom siġra, siġra li tagħti l-frott kull sena,” spjega s-Sur Gauci mdawwar b’familtu, li kollha kienu b’appoġġ għal din id-donazzjoni.
“Missieri dejjem kien jgħidli li bil-karità qatt ma ftaqar ħadd. Legat ta’ persuna qatt ma jiġi definit b’dak li ħallew warajhom bis-suċċess li għamlu, imma bil-ġid li għamlu kull darba li setgħu,” kompla jgħid.
Id-deċiżjoni tiegħu li jagħtihom l-ishma flok donazzjoni ta’ flus, kienet motivata mir-rispett li għandu lejn iż-żewġ entitajiet, li t-tnejn li huma għandhom irwol soċjali importanti ħafna fis-soċjetà.
“Meta tagħti l-flus, mhux dejjem tkun ċert kif qed jintefqu. Il-benefatturi għandhom ir-responsabbiltà li jiskrutinizzaw lil dik l-entità li jixtiequ jgħinu, u wkoll li jaċċertaw li jkollhom trasparenza,” żied jgħid is-Sur Gauci, waqt li wera biċ-ċar ir-rispett li jġib lejn iż-żewġ entitajiet.
PG Group jappoġġaw il-ġest li għamel is-Sur Gauci u jħossu li din hija parti mill-istrateġija ta’ responsabbiltà soċjali tal-kumpanija.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li: “Dan hu mod ġdid ta’ responsabbiltà soċjali mill-kumpaniji li qed tibbenefika minnu d-Dar tal-Providenza, li toffri servizzi residenzjali u ta’ respite lil persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom. Din mhix għajnuna ta’ darba imma kif qal is-Sur Paul Gauci anke fid-diskussjonijiet tagħna, siġra, li tingħaqad mal-masġar ta’ ġenerożità, u li se jkun qed tagħtina frott kull sena biex tgħinna fil-ħidma professjonali li nagħmlu fid-Dar tal-Providenza.”
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, qal li: “Permezz ta’ inizjattivi u bil-ġenerożità tal-Maltin nistgħu nkomplu bil-ħidma tagħna. Il-poplu Malti dejjem ikkontribwixxa u wera sens kbir ta’ ġenerożità kull meta kien imsejjaħ, u dawn il-fondi se jassistu biex inkomplu nipprovdu l-firxa wiesgħa ta’ servizzi lil dawk l-aktar vulnerabbli fil-komunità.”