Il-Komunità Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, li ilha tagħti appoġġ lil Caritas Malta għal dawn l-aħħar ħames snin, tat b’donazzjoni 200 ktieb lir-residenti tal-programm tan-nisa flimkien ma’ xkaffar apposta u mejda. Din segwiet donazzjoni li saret ftit taż-żmien ilu meta ngħataw kotba lir-residenza tal-irġiel f’San Blas.
Is-Sur Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, irringrazzja lil Imam Atif u l-Komunità Ahmadiyya għal dan il-ġest. Faħħar l-inizjattivi li jsiru biex jgħinu lill-komunitajiet ta’ Caritas Malta. Nancy Scerri, il-kap tal-programm terapewtiku tan-nisa, qalet li l-kotba huma għodda oħra għal min qed jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni. Il-ktieb jintuża fil-ħin ta’ rilassament bħala parti minn stil ta’ ħajja sana, kif ukoll għat-tagħlim.
Imam Laiq Ahmef Latif spjega kif bla dubju l-ktieb hu l-ħabib tal-bniedem. Kotba tajbin iwessgħu l-perspettiva lejn il-ħajja u jarrikixxu l-moħħ. Wieħed qatt ma jħossu waħdu b’kumpanija ta’ ktieb tajjeb f’idu.