L-Uffiċċju Missjunarju ser itellà dramm fuq il-missjoni fl-Istitut Kattoliku, nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju u nhar is-Sibt 1 ta’ Ġunju fis-7.00 p.m.
Id- dramm “Is-Siegħa t’Alla”, huwa maqsum fi tliet atti, ser isir bil-kooperazzjoni tal-kumpanija teatrali Dun Mikiel Xerri.
L-istorja tibda bir-Rakkont tal-Missjunarju Patri Marco, li jkun qiegħed jirrakonta l-istorja kurjuża tal-għażla tiegħu li jħalli ħajtu u jsir missjunarju. Hawnhekk naraw tiżviluppa l-istorja u s-Siegħa t’Alla bejn problemi familjari, li jkomplu jiżdiedu minħabba serq li sar fil-fabbrika tal-missier, kif ukoll mid-deċiżjoni meħuda mil-protagonist. Għalhekk nibdew naraw il-bidu tat-tensjoni fuq Francesco Orlandini, il-propjetarju tal-fabbrika, tikber mal-provokazzjoni tal-Inġinier li huwa t-tifel il-kbir, kif ukoll il-problemi li qiegħdin jinħolqu minn wieħed mill-ħaddiema, Carlo Varelli. L-Istorja li Fr. Marco jkun qiegħed jirrakonta lit-tfal Afrikani, ma tkunx irrakkontata, iżda murija lill-pubbliku. Lejn l-aħħar inkunu nistgħu napprezzaw il-ħidma u tbatija li ġabet magħha Is-Siegħa t’Alla għal dan il-ġuvni u lill-familja ta’ Fr. Marco, iżda wkoll l-iżvilupp mhux mistenni fl-Afrika.
Id-dħul għal dan id-dramm huwa b’xejn imma xorta se jsir booking għalih bil-biljetti, biex nassiguraw li kull min jattendi jkollu post riservat fit-teatruIl-biljetti jinkisbu mill-Uffiċċju Missjunarju, il-Belt Valletta jew billi ċċempel fuq 21236962.