Dun Anġ Seychell, wara mewtu, ġie mogħti l‑Premju Mons. Mikiel Azzopardi ta’ din is-sena għall‑kontribut kbir tiegħu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità.
Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, waqt il‑kunċert annwali mill‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta fil‑knisja parrokkjali taż‑Żejtun il‑Ġimgħa filgħaxija.
Dun Anġ kien saċerdot Żejtuni li ddedika ħajtu għall‑oħrajn b’mod speċjali għall‑persuni b’diżabilità li tant kien jirrispetta li saħansittra offra daru stess biex jgħixu fiha.
Bit‑twaqqif ta’ Fondazzjoni Nazareth, Dun Anġ assigura li s‑servizzi residenzjali li beda joffri jibqgħu jiġu offruti fis‑snin li ġejjin.
Dan il-premju jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l-kontribut ta’ persuni differenti fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità.
Dun Anġ kien miet f’Awwissu ta’ din is-sena fl-età ta’ 91 sena.
Il‑premju Mons. Mikiel Azzopardi kien ippreżentat mill-Arċisqof Charles Scicluna lil Muriel Grech, id-Direttur għall‑Proġetti Kapitali fil‑Fondazzjoni Nazareth wara li Etienne Schembri, preżentatur tas‑serata imma wkoll Direttur Amministrattiv tal‑Fondazzjoni, qara l‑bijografija ta’ Dun Anġ.
Waqt il-kunċert, Fr Martin qal li “ninsabu fuq l‑għatba ta’ sena ġdida, sena li fiha d‑Dar tal‑Providenza se tkun qed tiċċelebra s‑sittin sena mit‑twaqqif tagħha” kif ukoll “fuq l‑għatba tal‑Ġublew tat‑Tama”.
Fr Martin kompla jgħid li filwaqt li nħarsu lura lejn dawn is‑sittin sena ta’ ħidma tad‑Dar tal‑Providenza, bħala soċjetà, bħala Knisja u bħala individwi “nistgħu verament ngħidu li d‑Dar kienet, għada u nittammaw li tibqa’, “innu lid‑dinjità umana, għanja ta’ tama.””
Matul dawn is‑sittin sena, id‑Dar tal‑Providenza offriet tama lil madwar 270 persuna b’diżabilità billi offritilhom residenza, f’ambjent jixbaħ lil ta’ familja, ambjent sikur u fuq kollox ambjent li jirrispetta d‑dinjità u d‑drittijiet tagħhom.
Fr Martin temm jgħid li d‑Dar offriet u għadha toffri tama “mhux biss lil dawk li jeħtieġu residenza permanenti imma wkoll lil dawk il‑persuni b’diżabilità u l‑familjari tagħhom li jeħtieġu s‑servizz ta’ respite, fost servizzi oħra”.
Matul il‑kunċert, li kien taħt id‑direzzjoni tas‑Surmast u Direttur Mużikali, il‑Maġġur Jonathan Borg, indaqqu xogħlijiet vokali u strumentali ta’ kompożituri magħrufa barranin flimkien ma’ siltiet tal‑kompożituri Maltin Tano Monseigneur, Ray Magri u Ssgt Gilbert Camilleri li kkompona s‑silta ‘Refuġju’ b’dedika lil Staff Sergeant Tony Lautier li miet f’Settembru li għadda fl‑età ta’ 60 sena.
Wara l‑preżentazzjoni ta’ tifkiriet lil uħud minn dawk li taw sehemhom, l-Arċisqof għamel diskors qasir li fih fakkar u faħħar il‑ħidma fejjieda ta’ Dun Anġ Seychell fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità.
Sors: Newsbook Malta