“Filwaqt li rrikonoxxa l-ministeru twil u impenjat tiegħu bħala saċerdot u Isqof, kif ukoll id-dedikazzjoni qawwija tiegħu għall-appostolat, anki f’mumenti mill-iktar diffiċli, il-Papa Benedittu XVI jitlob sabiex il-memorja tiegħu tkun ispirazzjoni għall-komunità kollha li hu serva, sabiex jingħex b’iktar entużjażmu l-Vanġelu u l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù tkun proklamata b’kuraġġ u konvinzjoni.”
Referenza diretta għall-Isqof Awżiljarju Titulari ta’ Aradi u Isqof Awżiljarju Mons Annetto Depasquale, li mar jiltaqa’ mal-Mulej din il-ġimgħa, mid-Direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone, li kiteb biex jesprimi s-sogħba tal-Papa Benedittu XVI għat-telfa li mhux biss ġarrbu l-familjari ta’ Mons Depasquale, iżda telfa li ġarrbet il-Knisja f’Malta u s-soċjetà Maltija b’mod ġenerali.
Tabilħaqq nemmnu li l-Kardinal Bertone, f’isem il-Kap tal-Knisja Kattolika, ġabar il-messaġġ li permezz ta’ dan l-editorjal nixtiequ nwasslu waqt li nfakkru lil dan il-personaġġ li ddistingwa ruħu fil-ħidma tal-Knisja f’pajjiżna. Se nippruvaw inwieġbu ‘l għaliex naħsbu li ddistingwa ruħu.
“Kien ħajt li nserrħu fuqu” – hekk iddeskrivieh l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech. Ġustament, kien punt ta’ referenza f’kull ċirkostanza, anki jekk antipatika, anki jekk delikata u mill-iktar sensittiva. Ta’ eżempju ċar huma l-bosta drabi fejn kien imfittex għall-pariri siewja tiegħu fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-Liġi Kanonika li fiha kien espert.
Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com