Bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr fil-Knisja Franġiskana tal-Madonna ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu) fil-Belt Valletta b’investiment ta’ €300,000.
F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt Fr Ramon Farrugia qal li dan ix-xogħol ta’ restawr kien ħolma tal-komunità li issa se ssir realtà. Żied jispjega li x-xogħol illi għaddej bħalissa jagħmel parti minn proġett ta’ restawr estensiv, kemm fil-kunvent kif ukoll fil-knisja. “Bis-saħħa tal-Ministeru u tad-Direttorat tar-Restawr nittama li fi żmien sena jkollna l-parti esterna tal-knisja ta’ Ġieżu restawrata ħa tingħata lura l-glorja u d-dinjità li jixirqilha,” qal Fattufia.
Waqt li żar ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-knisja l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici rrimarka li dan ir-restawr iwettaq l-istrateġija kulturali tal-Gvern b’mod li l-wirt tagħna jsir aktar aċċessibbli.
Żied jgħid li l-Gvern għadu kommess li jkompli jissalvagwardja l-knisja u l-artefatti interni biex itejjeb mhux biss il-faċilitajiet iżda l-esperjenza li titgawda mill-pubbliku u mit-turisti.
Min-naħa tagħha l-perit responsabbli minn dan il-proġett Jean Frendo spjegat kif it-tindif tal-wiċċ tal-ġebla huwa importanti biex titneħħa kull akkumulazzjoni ta’ karbonju, komposti tal-kubrit u kontaminanti oħra filwaqt li tinżamm id-dehra tradizzjonali.
“Wara t-tneħħija u t-tindif tal-kisi tas-siment u tal-ġibs, il-ġebel tal-ġir diżintegrat se jiġi sostitwit b’course heights li jaqbel mal-oriġinal. Xogħol tal-ġebel illi jkun iddeterjorat sal-punt li jhedded l-istabbiltà u jtellef mid-dehra arkitettonika tal-bini jew ikun perikoluż għall-utenti jew għal min jgħaddi se jiġi sostitwit ukoll,” temmet tgħid Frendo.
Dan ix-xogħol ta’ restawr mistennija jitlesta f’Jannar 2024.
Sors: Newsbook Malta