It‑tlieta u ħamsin siegħa tal‑Maratona tal‑Volleyball intlaħqu f’nofsillejl tal‑Ħadd imma mhux qabel ma nġabret is‑somma ta’ €366,817.
40 plejer, li ffurmaw ħames timijiet, baqgħu jilagħbu mingħajr waqfien mis‑sitta ta’ filgħaxija tal‑Ġimgħa meta l‑Ministru għall‑Inklużjoni, Volontarjat u Drittijiet tal‑Konsumatur, Julia Portelli saffret biex jingħata bidu għall‑Maratona.
Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzja lill‑poplu Malti u Għawdxi, li għal darboħra wieġeb b’tant ġenerożità għas‑sejħa li saret biex jinġabru l‑fondi għad‑Dar, permezz tal‑Maratona tal‑Volleyball. Irringrazzja wkoll lill‑plejers, lill‑volontiera, lill‑membri tal‑kumitat organizzattiv, l‑isponsors kollha, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li xandru din il‑maratona, kantanti u bands, lill‑pulizija u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex din il‑Maratona tkun ta’ suċċess.
Waqt l-istess attività, grupp ta’ atleti Sloveni, uħud minnhom persuni b’diżabilità, ħadu sehem fil‑logħob tas-sitting volleyball li saru għall‑ewwel darba fid‑Dar tas‑Siġġiewi. Din l‑attività saret bis‑saħħa ta’ ParaVolley Malta u l‑Birkirkara Volley Club. Saret enfasi li attivitajiet bħal dawn jippromwovu l‑fatt li l‑isport huwa għal kulħadd, hu x’inhu l‑livell tal‑abbiltà personali.
Minbarra l‑40 plejer li kienu l‑protagonisti ewlenin ta’ din il‑Maratona, kien hemm ukoll madwar 200 voluntier. Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u xorb u logħob għat‑tfal. Il‑Maratona xxandret dirett fuq l‑istazzjonijiet tat‑televixin ewlenin fil-pajjiż.
Minbarra l‑BOV, l‑isponsor ewlieni tal‑Maratona, kien hemm ukoll bħala sponsors, il‑Pif Paf, Coca Cola, PwC, Go Plc. u Eurosport.