It-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li bdiet nhar il-Ġimgħa spiċċat il-Ħadd f’nofsillejl bil-ġabra €519,721 wara 53 siegħa sħaħ. Fil-maratona ħadu sehem 40 plejer u madwar 200 voluntier.
Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar qal li l-maratona hi maratona ta’ solidarjetà u sport u l-ispirtu altruwistiku kien rifless fil-plejers u n-numru sabiħ ta’ voluntiera li ħadu sehem f’dawn it-tlitt ijiem.
Irrefera wkoll għas-sentejn li għaddew li matulhom il-maratona ma saritx u ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid twaqqfu għalkollox.
Fil-ftuħ uffiċjali l-Ġimgħa filgħaxija, il-President ta’ Malta, Dr George Vella aċċenna għall-ħidma li twettaq kuljum id-Dar tal-Providenza u li qed tkompli twettaq bl-istess enerġija u determinazzjoni tal-fundatur tagħha Mons. Mikiel Azzopardi. Qal li din il-maratona hi okkażjoni biex il-poplu Malti kollu jingħaqad biex bid-donazzjoni tiegħu jipprovdi lill-persuni b’diżabbiltà residenti tad-Dar tal-Providenza b’dak kollu li għandhom bżonn u li fuq kollox hu d-dritt tagħhom.
Il-Ħadd filgħodu l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi kkonċelebra ma’ Fr Martin fil-kappella tad-Dar, fejn qal li d-Dar hi ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża b’messaġġ qawwi għal kulħadd. Semma tliet aspetti li joħorġu mill-messaġġ tad-Dar. L-ewwel wieħed hu l-għożża tal-ħajja mill-bidu tagħha mingħajr ma ħadd ikollu jiddeċiedi liema ħajja tinżamm u liema ħajja tintrema. It-tieni aspett hu l-inklużjoni fejn kull bniedem ikollu sehem sħiħ fis-soċjetà u fl-aħħar nett hemm il-messaġġ ta’ solidarjetà mal-persuni b’diżabbiltà li jeħtiġilhom kull għamla ta’ appoġġ. Dawn kollha huma sinonomi mad-Dar tal-Providenza li waqqaf Dun Mikiel 57 sena ilu.