€831,212 inġabru waqt l-Open Day fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi organiżżata minn Radju RTK fl-Ewwel tas-Sena 2012 biex jinġabru fondi għad-Dar. Din kienet l-ogħla somma li qatt inġabret fil-ħmistax-il sena li RTK ilu jagħmel din l-Open Day, f’dawn l-aħħar snin permezz ta’ maratona televiżiva. Minn filgħodu sa tard bil-lejl, minkejja x-xita li kultant niżalet bil-qliel, folol kbar ta’ Maltin xorta imlew it-tinda kbira mtella’ apposta fil-parkeġġ tad-Dar.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fl-organiżżazzjoni ta’ l-Open Day imma l-aktar lill-poplu Malti u Għawdxi li, minkejja x-xita li niżlet, għal darb’oħra wera xita ta’ solidarjeta’ u ġenerożita’ mad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.
Matul il-jum, kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta Dr George Abela u s-Sinura Abela; il-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi u s-Sinjura Gonzi; il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni, Dr Joseph Muscat; Mons. Arċisqof Pawl Cremona OP u l-Arċisqof Emeritus Mons. Ġużeppi Mercieca.
Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa mhux ħażin wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ volontiera li taw ħinhom għal din l-Open Day. TVM, Education Channel 22, ONE TV, NET TV u Favourite TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa. Matul ix-xandira kien hemm programm sħieħ ta’ divertiment permezz ta’ kant minn kantanti ewlenin Maltin, entertainers u baned.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]