L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelju li għadna kemm smajna, illum nafuh ukoll bħala t-tieni misteru tal-Glorja – tad-Dawl, u f’dan is-santwarju għażiż għandna din il-grazzja kbira li aħna mdawrin, milqugħin mill-ikoni sbieħ tal-20 misteru tar-Rużarju Mqaddes.
Jekk inti tħares lejn l-ikona tat-tieni misteru tad-Dawl, li hija propju meta fit-tieġ ta’ Kana Ġesù wera min hu, inti tirrealizza li din ix-xbieha tfakkarna fil-qawwa ta’ Marija fl-interċessjoni tagħha. Kienet l-interċessjoni ta’ Marija, it-talba tagħha li ħarrket lil binha biex juri tassew min hu. Il-konklużjoni ta’ din is-silta fl-Evanġelju ta’ San Ġwann tgħidilna: “Wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11).
U ommu li mxiet miegħu għal 30 sena moħbi fil-bżulija tad-dar ta’ Nazaret jitgħallem is-sengħa ta’ Ġużeppi li kien mastrudaxxa, kienet taf li f’dak il-mument ta’ bżonn ta’ dik il-koppja, binha mhux biss seta’ jagħti risposta għall-bżonn immedjat, imma hu li kien diġà qed jibni l-familja ġdida tiegħu tad-dixxipli, kellu bżonn ukoll juri min hu. Għaliex Ġesù f’Kana ma marx biss bħala mistieden tal-familja. Kienet mistiedna ommu u kien mistieden hu, u hu fit-radizzjoni semitika ġab ukoll l-ewwel dixxipli miegħu, l-ewwel grupp ċkejken.
Il-Madonna ta’ omm li hi, indunat li Binha kien qed joħloq il-familja ġdida tiegħu. Tant hu hekk li fil-misteru ieħor li aħna nimmeditaw fir-rużarju, meta l-Mulej sallbuh, lil ommu ma jafdahiex lill-familja naturali tagħha għaliex San Ġwann jgħidilna li ħdejn is-salib kien hemm ommu, oħt ommu Marija ta’ Kleofa, kien hemm ukoll Marija ta’ Magdala, kien hemm ukoll jiġifieri rappreżentant tal-familja naturali ta’ Marija, kien hemm oħt ommu, kien hemm oħtha (Ġw 19:25). Imma l-Mulej ma jafdax lil ommu lil oħtha li kienet hemm imma jafdaha lill-familja ġdida tiegħu, lid-dixxiplu l-maħbub.
U hekk lil ommu jikkonfermalha l-għażla li kienet għamlet f’Kana meta hi u tarah jibda din il-familja ġdida tad-dixxipli ġġagħlu juri min hu “wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11). Hu jikkonferma din l-għażla għax jafdaha, it-teżor prezzjuż li kellu fid-dinja hu u jmut, u jgħaddi għall-misteru tal-mewt u tal-irxoxt, jafdaha lil din il-familja ġdida “U d-dixxiplu ħadha għandu” “Hawn hi ommok”. “Hawn hu ibnek” (Ġw 19-26-27).
Marija minn hawnhekk, minn dan il-post lil Karmni Grima ma qaltilhiex ħafna affarijiet imma qaltilha kelma għażiża u profonda: “Ejja”. Dik l-istedina mhix biss kmand imma stedina. Hija stedina biex aħna li nisimgħuha nħallu lil omm Ġesù tilqagħna għandha u għalfejn? Biex twassalna għandu. Hija l-kelma li trid tidwi fil-qalb tagħna għal xulxin. Minn hawnhekk Marija tgħallimna l-barka tal-akkoljenza li mhix faċli, hija dejjem riskjuża imma hija espressjoni tal-imħabba vera: “Ejja”.
Aħna kultant lil xulxin biex nuru s-sens ta’ rispett ngħidu: ‘ejja oqgħod’, ħalli mbagħad titlob li ma jiħdokx ħafna bis-serjetà la ma tkunx għadek ippreparajt xi ħaġa tajba x’tagħtih. Hi titlob li meta jgħidlek ‘ejja oqgħod’ ma jgħidlekx ‘ħa niġi issa!’ Imma qiegħda f’qalbna din l-espressjoni: ‘ejja oqgħod, ejjew oqogħdu’. U l-Madonna minn hawnhekk tgħidilna l-istess: ‘Ejjew oqogħdu’. Din il-kelma għandna bżonnha b’mod partikolari f’dan il-mument. Għax, ħa ngħiduha kif inhi, aħna llejla għall-grazzja t’Alla qegħdin għad-dell u għall-frisk imma drajnieha dik li toqgħod bilqiegħda fuq pultruna jew sufan u tisma’ l-quddiesa. Issa wasal il-mument li nisimgħu l-kelma tal-omm tgħidilna: ‘ejjew, ejjew. Ejjew ħudu mill-mejda li ppreparalkom ibni’.
Waħda mill-affarijiet li timpressjonani meta nimmedita l-ħames misteri tad-Dawl li ppromulga San Ġwanni Pawlu II fuq intuwizzjoni ukoll feliċi ta’ San Ġorġ Preca, hija li għandna żewġ esperjenzi ta’ Ġesù meta jgħallimna l-ħajja intima ta’ Alla: il-magħmudija u t-trasfigurazzjoni dak li aħna bi kliem tqil ngħidulhom it-teofaniji, dak li permezz tagħhom Alla juri lilu nnifsu, juri wkoll li Ġesù huwa l-Iben maħbub, l-Iben maħtur. Hu jgħidilna: “Isimgħu lilu” (Mt 17:5).
Imma hemm ukoll żewġ ikliet: hemm l-ikla tat-tieġ ta’ Kana u l-aħħar ikla. U fihom il-Mulej jagħmel trasformazzjoni qawwija. F’Kana l-ilma tal-ġarar tal-ħasil – li l-Papa Franġisku jgħid ilma umli imma bi kwantità kbira – li jinbidel fi nbid fin, l-inbid tal-ferħ fi kwantità kbira. Il-Mulej iħares lejn id-dgħufija kbira tagħna u jittrasformaha f’ferħ tassew kbir. Jekk il-ġarar ta’ dan l-ilma, li peress li kellu jkun għall-ħasil, il-Papa Franġisku jgħid kien ilma umli, mhux tal-ifjen kwalità forsi – imma issa jiġi trasformat fl-aqwa nbid. U aħna għandu jkollna din it-tama meta nilqgħu l-istedina ta’ Marija li ma nibżgħux li l-Mulej inġorrulu quddiemu l-ġarar kollha hemm – u d-dgħufija tagħna biex iġorr l-ġarar ta’ Kana trid tractor, għax kienu kbar u aktarx tal-ġebel – imma hu se jibdilhom fil-paċi u l-ferħ fl-abbundanza. Fl-abbundanza!
U fl-aħħar ikla tiegħu l-Mulej ma jittrasformax l-ilma fi nbid imma juri l-glorja tiegħu billi l-offerti fqar tagħha, li aħna rċevejna diġà mill-providenza. Min hu kapaċi hawnhekk, joħloq siġra jew joħloq għenba? Tħawwilha iva, toħloqha le. Min hu kapaċi l-frott tal-art jivvintah hu? Frott tal-art u xogħol il-bniedem. Aħna diġà nittrasformaw imma d-don tiegħu nittrasformawh f’offerta tal-ħobż u nbid, it-tnejn għandhom bżonn l-intervent tagħna imma meħudin mill-ħolqien li tana Alla, u hu jkompli jittrasformah fil-ġisem u d-demm tiegħu. L-ebda laqgħa virtwali ma tista’ titimgħek il-ħobż li huwa l-ġisem ta’ Ġesù u d-demm imqaddes tiegħu.
Illum il-Madonna tlissen il-kelma li għandna bżonn ilkoll nisimgħu: ‘Ejjew, ejjew oqogħdu, ejjew kulu mill-mejda li ħejjilkom ibni’. U nitolbu li din l-esperjenza, li permezz tagħha l-quddiesa b’xi mod daħlet id-dar tagħna, tqanqalna biex aħna nirritornaw fid-dar tal-Mulej u nsibu lil Marija tilqagħna, lil Marija li kif imdorriha titlob mad-dixxipli, mal-familja li ta binha, hekk ukoll tgħallimna l-ħlewwa tat-talb flimkien. Nitolbuha l-Madonna, taħt it-titlu sabiħ tal-Madonna ta’ Pinu, biex din l-istedina tagħha ‘ejjew oqogħdu’ nifhmuha, napprezzawha u ngħixuha.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Żak 2:14-17
Salm: 59 (60), 3.4-5.12-13
Qari I: Atti 1:12-14; 2:1-4
Evanġelju: Ġw 2:1-11