Missio Malta ser tkun qed ittella’ l-ewwel edizzjoni ta’ Ejja Imxi Miegħi, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar id-distanzi twal li nies f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jimxu kuljum biex iġibu ilma għax-xorb. L-inizjattiva, li ser isseħħ bejn id-19 u l-25 ta’ Lulju fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, ser tagħmel użu minn teknoloġija tar-realtà virtwali u treadmills, sabiex tgħin lill-parteċipanti jesperjenzaw l-illużjoni li qed jimxu distanzi twal fl-Afrika.
“Permezz ta’ din l-attività, qed nistiednu membri tal-pubbliku sabiex jingħaqdu magħna fuq l-istand ta’ Missio fi Pjazza Tritoni, l-Belt Valletta, u jilqgħu l-isfida u jidħlu fiż-żarbun ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jaffaċċjaw tbatija kbira biex jiksbu l-ilma tajjeb għax-xorb ta’ kuljum,” qal Robert Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta. “Fil-ħajja ta’ kuljum tagħna, nimxu distanzi konsiderevoli, kemm bħala parti mir-rutina tagħna, għall-gost jew għall-eżerċizzju. Madanakollu l-mixi għalina jfisser xi ħaġa kompletament differenti. Permezz ta’ Ejja Imxi Miegħi irridu nixħtu dawl fuq id-diffikultajiet ta’ persuni f’dawn il-pajjiżi. Bl-użu ta’ sets tal-VR u treadmills tal-mixi, il-parteċipanti ser ikunu jistgħu jimxu fit-toroq tal-Afrika, ‘flimkien man-nies tal-lokal’, u jaqsmu l-esperjenza magħhom,” tenna Farrugia.
Persuni f’pajjiżi bħall-Ghana, is-Somalja, u ż-Żimbabwe jimxu kilometri sħaħ kuljum sabiex iġibu ilma tajjeb għax-xorb, għax is-sors tal-ilma jkun imbiegħed ferm mill-villaġġi tagħhom. Missio Malta qed tqajjem kuxjenza dwar is-suġġett, biex tiġbor fondi u ttejjeb l-aċċess għall-ilma, li jkun eqreb fejn joqgħodu dawn il-persuni. Missio Malta diġa għinet eluf ta’ persuni fl-Afrika jindirizzaw din il-problema bil-bini ta’ bjar li jissuplixxuhom b’ilma tajjeb għax-xorb.
Ejja Imxi Miegħi ser tifforma parti mill-Malta International Food Festival li ser jittella’ fl-istess post fl-istess jiem.
Programm speċjali ser jittella’ nhar il-Ħadd 23 ta ‘ Lulju bejn nofsinhar u nofsillejl fuq l-istazzjonijiet prinċipali tat-televiżjoni: TVM, ONE TV u NET TV. Il-programm ser illaqqa’ l-pubbliku ma’ numru ta’ persuni qrib Missio li ser jaqsmu l-esperjenza tagħhom. Membri minn komunitajiet internazzjonali ser jaqsmu mal-pubbliku aspetti tal-kultura tagħhom, mhux inqas il-kċina, fit-tema tal-festival tal-ikel.
Ejja Imxi Miegħi ser tkun miftuħa fi Pjazza Tritoni l-Belt Valletta bejn id-19 u l-25 ta’ Lulju mis-06:00 ‘l quddiem u nhar il-Ħadd 23 ta’ Lulju minn nofsinhar ‘l quddiem. L-inizzjattiva hija miftuħa għal persuni ta’ kull età, għal donazzjoni li tmur favur il-ħidma ta’ Missio fl-Afrika.