-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi
1 ta’ Jannar 2018
Ejjew illum aħna u nibdew sena ġdida nitolbu l-barka ta’ Sidtna Marija. Mons. Mikiel Azzopardi kien devot kbir tal-Madonna. Mhux ta’ b’xejn laqa’ l-ewwel residenti fil-11 ta’ Frar, fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes.
Insellmu wkoll lis-sorijiet li kienu bdew jgħixu hawnhekk f’dan il-post imbierek, xahar qabel. Fit-12 ta Jannar ta’ 50 sena ilu, is-Sorijiet tal-Karità bdew din l-avventura ta’ mħabba propju biex jgħixu l-kariżma tagħhom li jkunu s-sorijiet tal-karità, is-sorijiet li jwasslu l-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Alla f’tant ambjenti differenti, kif għadhom jagħmlu sal-lum.
Kif għedt fil-bidu l-barka li nitlob fuqhom illum, hija li jkomplu jgħixu fil-ġenerazzjonijiet ġodda ta’ sorijiet u dawn ma jiġux mill-ajru; hemm bżonn żgħażagħ, tfajliet ġenerużi li l-Mulej jagħżel, li l-Mulej jaf min huma, imma hemm bżonn jgħidu ‘iva’, hemm bżonn jissottomettu ruħhom għar-rieda tal-Mulej b’libertà imma anke b’imħabba kbira.
Espressjoni li laqtitni llum aħna u nisimgħu l-kelma ta’ Alla, hija s-Salm Responsorjali li l-Knisja tagħżel fil-festa tal-Imqaddsa Omm Alla, imma wkoll hi u tirrealizza li qegħdin niċċelebraw ukoll fis-soċjetà ċivili u madwar id-dinja l-bidu tas-sena ċivili ġdida tal-2018.
“Iħenn għalina Alla u jberikna” Jiena naħseb li dan il-post għażiż, id-Dar tal-Providenza, jiġbor fih dawn il-kliem tassew profondi u kommoventi tas-Salm 66 “Iħenn għalina Alla u jberikna, idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu” (S 66, 2). Hawnhekk il-Mulej iħares b’għaxqa kbira. Hawnhekk iħares lejn kull resident illi jgħixu hawn, niftakru wkoll fir-residenti awtonomi li wkoll promossi mid-Dar tal-Providenza, hemm residenti fejn il-persuni b’diżabbilità jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità f’ambjent ġdid, u importanti li nieħdu ħsiebu; hemm propjetajiet ġodda li l-Knisja qiegħda tafda lid-Dar tal-Providenza għax il-poplu Malti wkoll iħalli lid-Dar tal-Providenza u qed jintużaw bħala residenti tal-persuni diżabbli fil-komunità .
Imma l-Mulej iħares lejn dan kollu b’għaxqa kbira, iħares bid-dawl u “d-dija ta’ wiċċu” għaliex mhux biss għandu mħabba kbira lejn kull kreatura, lejn kull wild, imma wkoll f’dawn ħutna jara l-imħabba tagħna, għaliex jeżistu hawnhekk u hawn fostna u bil-ħidma mhux biss tas-soċjetà ċivili, imma anke ta’ profeti, bħalma kien Mons. Mikiel Azzopardi, dawn il-persuni llum inħossuhom iżjed qrib tagħna: ma naħbuhomx, nilqgħuhom, nagħtuhom l-għajnuna li għandhom bżonn u dan huwa barka fuq il-pajjiż.
Il-Mulej tassew iħenn għalina u jberikna meta aħna nibqgħu nħennu għal xulxin u nbierku lil xulxin. U fil-bidu ta’ din is-sena, jiena nitlob il-barka fuq il-pajjiż tagħna. Ejjew inkunu soċjetà kif aħna, kif dejjem konna, li nafu nħennu għal xulxin, nafu naħfru lil xulxin, nafu nbierku lil xulxin.
Nitolbu l-maħfra ta’ kemm-il darba minflok imbierku lil xulxin nużaw kliem iebes għal xulxin. Nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba minflok inħennu nużaw l-aggressjoni għal xulxin, kemm verbali u kemm fiżika. Imma Alla “iħenn għalina u jberikna”. U nibdew dan l-ewwel jum tas-sena b’dan il-ġest konkret ta’ ħniena u barka, niftakru f’dawn ħutna li għandhom bżonn il-kura tagħna, l-imħabba tagħna, is-solidarjetà tagħna biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja b’dinjità.
Wara kollox, meta l-Mulej ippermetta li jitwieldu u jgħixu tana responsabbiltà. Meta tisma’ l-familjari tagħhom jgħidulek ‘il-Mulej tana rigal imma lilna tana responsabbiltà wkoll’ għax kull rigal prezzjuż irid jiġi mħares, kull ġawhra trid tibża’ għaliha. U jiena nappella lill-poplu Malti u Għawdxi llum biex din il-kura u din l-għożża nuruha tassew bil-fatti.
“Il-Mulej iħenn għalina u jberikna”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja