L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Gal 6:14). Dan il-kliem li San Pawl jikteb lil ħutu l-Galatin, u li bih jikkonkludi l-ittra tiegħu lilhom; joqgħodu sew fuq il-fomm tal-qaddis serafiku San Franġisk. “Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Gal 6:14) Franġisk ta’ Assisi, ħaddan is-salib, kull meta ħaddan lil ħutu bil-ġuħ, bil-lebra, bl-ansjetà, u bil-għatx għall-paċi. Franġisku ta’ Assisi, ħabb is-salib kull meta refa’ fuq spallejh it-toqol u l-madmad iebes ta’ debolizza tal-Knisja.

L-għażla tal-Ewwel Qari, għandha sinjifikat speċjali llum, għax tibda b’din il-frażi: Dan hu “li tul ħajtu sewwa t-tempju, u f’jiemu saħħaħ is-santwarju” (Sir 50:1). L-esperjenza ta’ Franġisku ta’ Assisi, f’San Damjanu, kienet li jisma’ lil Ġesù, jistiednu jibni mill-ġdid il-Knisja tiegħu; u beda jibni l-kappella ta’ San Damjan. Imma l-messaġġ profond u qawwi tal-Mulej kien, li bix-xhieda tiegħu ta’ umiltà u faqar, bil-fraternità li kellu joħloq, u li ġabitlu wkoll ħafna nkwiet, kellu jibni l-Knisja, li kienet qegħdha tiġġarraf minħabba d-dgħufija tagħna, l-membri tagħha. Għalhekk, illum insellmulu, bħala dak li tul ħajtu, obda lill-Mulej, u bix-xhieda tiegħu sewwa t-tempju; f’jiemu s-saħħaħ is-santwarju. Bħalma qal darba minnhom skont rakkont ħelu fil-fjuretti: ‘oħorġu ppriedkaw, meta jkun hemm bżonn użaw ukoll il-kliem’. Għaliex għalih, l-aqwa priedka kienet ix-xhieda tal-ħajja. Aħna nintilfu f’ħafna paroli, u wara l-paroli tagħna jkun hemm ħafna aggressività. Franġisku ma kienx jintilef fil-kliem, imma kien jgħix ir-radikalità tal-Evanġelju. L-Ordni tiegħu li waqqaf, ġablu wkoll diversi mumenti ta’ delużjoni u ta’ nkwiet; fl-aħħar snin ta’ ħajtu ċeda t-tmexxija tal-Ordni, b’mod speċjali wara l-esperjenza tar-regola Bollata. U li xtaq li l-Evanġelju jkun l-uniku regola, kellu jċedi wkoll għall-pressjoni li jkun hemm regola iżjed dettaljata, iżjed miktuba; u għalih kien mument ta’ dlam, kien mument ta’ umiljazzjoni. U beda jfittex li jiltaqa’ iżjed ma’ Ġesù. M’ilux iċċelebrajna l-esperjenza tal-presepju ta’ Greccio, li fih il-Mulej, jagħtih l-esperjenza tal-għar ta’ Betlehem, u jagħtina l-esperjenza sabiħa tal-presepju.

U meta bħal daż-żmien, 800 sena, għal Settembru tas-sena 1224, qrib il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, tela’ fuq l-għolja tal-Averna, kien bniedem għajjien, li qiegħed ifittex, u għamel talba; talba li ta’ min nixtarruha. Huwa talab lill-Mulej żewġ affarijiet, u talabhom qabel imut, u qallu: Mulej, qabel imut nixtieqek tagħtini żewġ grazzji: li nħoss it-turmenti li ħassejt fuq is-salib, u t-tieni grazzja nixtieqek li tagħtini: li nitħeġġeġ bl-imħabba li kellek għalina minn fuq is-Salib.

L-esperjenza mistika li qegħdin niċċelebraw illum, fit-800 sena tagħha, hija risposta tal-Mulej għal dawn iż-żewġ talbiet. L-ewwel risposta, hija risposta li l-kontemporanji ta’ Franġisku, wħud minnhom fl-aħħar sentejn ta’ ħajtu, setgħu jarawha; wara din l-esperjenza, li anke Mattia Preti pinġa fit-titular ta’ din il-knisja, ta’ dan l-anġlu serafiku li jħaddan il-Kurċifiss, San Franġisk ikollu l-esperjenza tal-pjagi. L-kitbiet l-iżjed antiki tal-Ordni Franġiskan, jagħtu verżjonijiet differenti ta’ kif kienu dawn il-pjagi. Imma t-tradizzjoni hija qawwija, li l-fundatur ta’ din il-familja kbira, u li tant għamlet, u tagħmel ġid lill-Knisja, fl-aħħar sentejn ta’ ħajtu kellu l-marki tal-pjagi: f’idejh, f’riġlejh, u fil-kustat. Dik li kienet iddemma, kienet dik tal-kustat. Dawn kollha sparixxew mal-mewt tiegħu, u li din hija konferma li kienet esperjenza mistika u inspjegabli, marbuta wkoll mar-ruħ safja u għażiża ta’ Franġisku.

Imma jekk il-Mulej tana sinjal ċar, li Franġisku ried idewqu t-tbatijiet tiegħu, għandna konferma wkoll lit-tieni grazzja, tahielu wkoll: li qalbu titħeġġeġ bl-imħabba li biha Ġesù ħabbna, meta ssallab għalina u rxoxta għas-salvazzjoni tagħna.

Illum dan li rridu niċċelebraw, mhux biss il-marki tal-pjagi fil-ġisem qaddis ta’ Franġisku, imma fuq kollox l-imħabba tiegħu għall-Knisja, bid-difetti kollha tagħha. Ir-rispett li kellu għar-rgħajja, meta l-Papiet ta’ żmienu, kien ikollhom ukoll, bħal ta’ żmien tal-lum, il-merti, imma anke d-difetti tagħhom. San Franġisk kellu l-qalb u l-ħarsa ta’ Ġesù, li tmur l’hemm mill-qoxra li tidher, u tinfed il-qalb tal-bniedem, u sejjaħlu għall-konverżjoni.

Mela l-messaġġ ta’ din is-solennità, li l-Ordni Franġiskan, qed jagħmel illum f’ċentinarju mportanti, 800 sena, tibqa’ attwali. Aħna rridu nħaddnu lil Ġesù msallab f’kull min minn sħabna għaddej mit-tbatija, fiżika jew mentali. Ejjew naħdmu biex ikollna soċjetà, li meta tiltaqa’ mat-tbatija ma ddawwarx wiċċha, imma xxammar il-kmiem. Jekk aħna nqimu l-pjagi ta’ Ġesù, u nivveneraw lil San Franġisk għax kellu dan is-siġil bħalma jsejjaħlu Dante, s-siġil tal-Imgħallem fil-ġisem tiegħu; ejjew ukoll li jkollna qalb li tħenn għal kull min qiegħed ibati, mhux biss fiżikament, imma wkoll mentalment u psikoloġikament. Imma fuq kollox, barra d-don tal-kompassjoni għal kull min qiegħed ibati, ejjew nitolbu li qalbna tkun imħeġġa bl-imħabba li Ġesù kellu għal kull wieħed u waħda minna; li Ġesù għandu għal kull wieħed u kull waħda minna.

Jekk aħna llum inġbarna biex niċċelebraw dan iċ-ċentinarju, u din l-okkażjoni f’din is-solennità Franġiskana, li kellha l-barka ta’ diversi Papiet, irridu nieħdu wkoll minn din il-festa, messaġġ li jbiddel il-ħajja tagħna. Aħna niftaħru bis-salib ta’ Ġesù? Imma xi tfisser tiftaħar b’xi ħaġa li hija tbatija, negattività, kundanna tal-innoċenti? Huwa li inti tagħraf lis-salib ta’ Ġesù, huwa espressjoni ta’ mħabba kbira. Is-salib, mingħajr l-imħabba ta’ Ġesù, ma jagħmilx sens; is-salib li jiena nerfa’ mingħajr ma jkolli l-imħabba tal-għotja tal-qalb tiegħi, jsir negattività, jsir abbiss profond, li jkaxkarni miegħu. Aħna niftaħru bis-Salib, ejjew niftaħru mhux għall-krudeltà tiegħu, jew għall-ħruxija tiegħu; imma għaliex huwa espressjoni ta’ mħabba li ma tibżax mill-prezz li għandha tħallas. Kemm għandna bżonnu dan il-kliem, meta nħarsu lejn min hu msejjaħ li jagħti ħajtu fil-komunità. Jalla kull min hu msejjaħ, ilkoll kemm aħna, kulħadd skont l-vokazzjoni tiegħu, aħna msejħin nibnu t-tempju tal-Mulej, bl-għotja tagħna nfusna. Ejjew ma nibżgħux mill-prezz li rridu nħallsu.

Imma llum naħseb ukoll f’tant persuni, li fil-familji tagħna jridu jitgħabbew biċ-ċirkustanzi tal-ħajja, bil-mard, bid-dippressjoni, bl-ansjetà, u jerfgħu s-salib ta’ xulxin bid-dinjità, bis-solidarjetà. Kemm hemm bżonn, jekk aħna tassew inħaddnu lil min Hu msallab, nevitaw kliem li jweġġa’, diskors li jingħad mingħajr wieħed ma jkun jaf iċ-ċirkustanzi kollha, ġudizzji sommarji, kliem li mhux biss iweġġa’; imma minflok jibni, jkisser; minflok jerfa’, ifarrak. Aħna u nifirħu, li l-Mulej laqa’ t-talba ta’ San Franġisk, nammiraw il-ġenerożità ta’ dan il-qaddis. Aħna forsi m’għandnix il-pjagi li jidru, imma jiena togħġobni ħafna espressjoni li għallimna San Ġorġ Preca, meta lill-Mulej kien iħobb jitolbu, ‘jfejjaq il-pjagi tar-ruħ tagħna’. Aħna l-qalb tagħna, kultant tkun imweġġa’, għax inweġġgħu lil xulxin; il-qalb tagħna, għalkemm il-ġisem ma jurix, tkun ukoll qalb ippjagata, forsi intortament, forsi minħabba xi żball li għamilna. L-Mulej bl-interċessjoni ta’ San Franġisk, ifejjaq l-pjagi tar-ruħ tagħna, u jagħmel li aħna nkunu duwa għall-pjagi ta’ ħaddieħor, u qatt ma nikkawżawhom.     

Qari tal-quddiesa
Qari I: Bin Sirak 15: 1, 3-7
Salm: Gal 2: 16-19 & Phil 1:20-23
Qari II: Gal 6:14-18
L-Evanġelju: Lq 9:23-26