L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-kapitlu 6 ta’ San Ġwann, li konna qed nisimgħu f’dawn il-Ħdud ta’ din is-sena, jasal f’mument importanti ħafna għalina, li niltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd biex niċċelebraw l-Ewkaristija. Din is-silta Ġesù jispjega x’inhi l-Ewkaristija, dak li qegħdin niċċelebraw f’kull quddiesa li qegħdin inqaddsu. U qed jinsisti, li l-ħobż li qed jagħti hu ġismu, ix-xorb li qed joffri hu demmu. Ġesù qed joffri mhux xi ħaġa, imma lilu nnifsu, u qed ipoġġi quddiemna għażla importanti. Tridu tkunu tiegħi u miegħi? Mela ilqgħu din l-offerta li qed nagħmlilkom; mhux se nagħtikom xi ħaġa, qiegħed noffri lili nnifsi. It-tqarbin, li aħna niċċelebraw f’kull quddiesa, hi li aħna nieħdu sehem fil-ħajja tiegħu billi nilqgħu lilu fl-Ewkaristija. Il-fidi tagħna hi ċara u mibnija, fuq il-Kelma qawwija tiegħu, b’mod speċjali f’din is-silta tal-Evanġelju ta’ San Ġwann: dan hu ġismi, dan hu demmi.

Ġesù jgħidha fuq il-ħobż u l-inbid, li huma elementi li għażel hu, li biex jiġu ppreżentati jridu jgħaddu mill-frott tal-art u xogħol tal-bniedem. Hekk ngħidu fl-offertorju. ‘Ilqa’ dan il-ħobż, li huwa frott tal-art u xogħol il-bniedem’. Il-ħobż u l-inbid, huma proprju frott tal-art, imma fihom hemm ukoll ix-xogħol tal-ħidma tal-bniedem. Alla, jittrasformahom bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-kelma ta’ saċerdot, li dak il-ħin ma jgħidx; dan hu l-Ġisem ta’ Ġesù, dak jgħidlek meta jqarbnek; imma fil-mument tal-konsagrazzjoni, fuq il-ħobż u l-inbid, is-saċerdot jgħid: ‘Dan hu Ġismi’, ‘Dan hu Demmi’. Ġesù, juża lis-saċerdot biex ngħidu hekk, biex iwettaq u jtemm, u jkompli l-wegħda li qed jagħmel fl-Evanġelju li għadna kemm smajna.

Qed jgħidilna din hi l-ħajja ta’ Nisrani. Kemm nagħmlu affarijiet, kollha tajbin. Illum qegħdin lejn kważi l-qofol u tmiem l-istaġun tal-festi; għad baqagħlu xahar ieħor – kemm nagħmlu affarijiet sbieħ biex nagħtu glorja lil Alla, imma mbagħad qisu xi ħadd stiednek għat-tieġ, tarmalu kullimkien, forsi anke tagħtih rigal, imma mbagħad ma tmurx. Nafu xi tfisser meta tistieden lil xi ħadd u ma jiġix għat-tieġ. Ċerti nies jibqgħu jiftakruha ħajjithom kollha, u forsi jħalluha fil-wirt ukoll.

U aħna lill-Mulej, tant inħobbuh, tant naħdmu għall-glorja tiegħu, qed jistedinna biex Hu jagħti lilu nnifsu, nilqgħuh fil-qalb tagħna, u ngħidulu: ‘Le, grazzi’. Hemm min jgħid, ‘Jien m’iniex dehen’. Ħafna qaddisin kienu jgħidu hekk; u jien persważ, li min jgħid hekk, għax għandu ċertu grad ta’ qdusija. Imma l-Mulej, li jaf minn xiex aħna magħġuna, tagħna wkoll l-mezzi biex bir-rieda tajba tagħna, nitħejjew tajjeb għal dan id-don, nitnaddfu minn dnubietna, insaffu lil qalb tagħna. Għat-tqarbin u l-qrar, Ġesù ma għamlux bir-ration! Tqerr kemm hemm bżonn, u jekk jista’ jkun tqarben ta’ spiss. Għaliex? “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih” (Ġw 6:56).

U meta Ġesù, jitkellem dwar id-don tiegħu nnifsu fl-Ewkaristija, fit-tqarbin imqaddes, dwar il-ħajja. Dan hu l-ħobż tal-ħajja. Daqskemm għandek bżonn l-ikel materjali biex tgħix, għandek bżonn dan l-ikel spiritwali. Ġesù jgħaqqad l-Ewkaristija bħal ikel spiritwali, li jgħajjixna f’din l-art u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

“Min hu ċkejken ħa jiġi għandi!” (Prov 9:4) Kemm hi sabiħa din il-frażi mill-ktieb tal-Proverbji. “Bagħat il-qaddejja jxandru l-istedina minn fuq l-imkejjen għolja tal-belt” (Prov 9:3) fl-ewwel qari li smajna llum. “Min hu ċkejken ħa jiġi għandi!” Din il-kelma tagħmilli ħafna kuraġġ. Imma l-Madonna meta ħarset lejha nnifisha ma nafux kemm kienet twila jew qasira, qalet: “Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Hekk ukoll San Ġużepp, kull meta kellmu l-Mulej għamel dak li ordnalu, mingħajr diskors, mingħajr argumenti. Laqgħu l-istedina tal-Mulej, bħalma jgħidilna l-Appostlu Missierna: “fittxu x’inhi r-rieda tal-Mulej” (Ef 5:17).

Ir-rieda tal-Mulej għalina hi ċara – ejjew għandi, qed nistedinkom: “Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom. Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu, u timxu ’l quddiem fl-għaqal” (Prov 9:5-6). Kemm hi sabiħa din il-kelma mill-ktieb tal-Proverbji, qed jistedinna għal din l-ikla, fejn qed joffri l-ħobż u l-inbid. Ġesù jorbot l-ospitalità li qed joffrilna, il-mejda li qed iħejjilna mal-għaqal u l-għerf. Jien nixtieq li kull min qed jismagħni ninkuraġġih, biex waqt li nagħmlu tant affarijiet ta’ ġid, nieħdu ħsieb lill-familji tagħna bħalma ħa ħsieb San Ġużepp lill-familja tiegħu. Nieħdu ħsieb lil kull min niltaqgħu miegħu fil-professjoni tagħna – nieħdu ħsieb xulxin. Naħdmu tant għall-komunità, ejjew nersqu lejn il-mejda li qed iħejjilna Ġesù, biex ngħixu fih u bih. U allura, tifhmuni għaliex San Ġorġ Preca, din it-talba kien jissuġerixxi li ngħiduha wara li nitqarbnu, u għalhekk nagħlaq b’din it-talba: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Għax meta nersqu lejn l-Ewkarisitja, hekk inkunu qegħdin ngħidulu: ‘Jiena għandi bżonnok’.     

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Prov 9:1-6
Salm: 33(34):2-3,10-11,12-13,14-15
Qari II: Efes 5:15-20
L-Evanġelju: Ġw 6:51-58

Aktar ritratti