.
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna qed jistiednu lill-Insara Maltin għaċ-ċelebrazzjoni Djoċesana tal-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin. Din ser issir nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju 2013, fil-Kumpless Sportiv ta’ Korradino, Raħal Ġdid, mis-6:00 p.m. sat-8:00 p.m. Din ser tkun ukoll l-ewwel opportunità għan-Nunzju Appostoliku l-ġdid, Mons. Aldo Cavalli, li jipparteċipa f’attività Djoċesana u jiltaqa’ mal-Insara Maltin.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena, bit-tema “No Jesus, no love. Know Jesus, know love”, ser tinkludi esperjenzi mill-ħajja li ser juru kif il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni, tal-karità u tal-appostolat huma strumentali biex il-bniedem jersaq lejn Alla u lejn il-Knisja. Waħda mill-esperjenzi hija dik tal-kantant żagħżugħ Gianluca Bezzina. Din ġiet irrekordjata qabel telaq lejn Malmo biex tixxandar dakinhar.
Matul iċ-ċelebrazzjoni ser isir kollegament mal-Vatikan fejn dak il-ħin, il-Papa Franġisku ser iwassal messaġġ waqt ċelebrazzjoni għall-membri ta’ diversi Movimenti u Assoċjazzjonijiet Lajkali fi ħdan il-Knisja. L-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof Charles J. Scicluna, għalhekk qegħdin jistiednu lill-membri tal-Movimenti, Għaqdiet u Komunitajiet f’Malta, biex flimkien jiċċelebraw il-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Lejn tmiem iċ-ċelebrazzjoni, l-Arċisqof ser iwassal il-messaġġ tiegħu għal din l-okkażjoni importanti fil-ħajja tal-Knisja.
F’Għid il-Ħamsin, il-Knisja tfakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli. Din il-ġrajja tat bidu għall-ħajja tal-Knisja, bid-dixxippli ta’ Kristu jagħtu bidu għall-esperjenza tax-xandir tal-Bxara t-Tajba mad-dinja kollha.