Eluf ta’ nies li huma favur il-ħajja mxew sa quddiem il-Qorti Suprema Amerikana f’Washington sabiex ifakkru d-39 anniversarju ta’ deċiżjoni li wasslet għal-legalizzazzjoni tal-abort fl-Istati Uniti. Il-Mixja favur il-ħajja saret kull sena sa mill-1974, sena wara d-deċiżjoni tal-Qorti Sprema. Konsistentament, din hi waħda mill-ikbar protesti organizzati matul is-sena kollha f’Washington, anki meta l-kundizzjonijiet tat-temp ma jkunux favorevoli sabiex jingħaqdu iżjed nies fil-marċ ta’ protesta, kif ħafna jqisuh fir-rigward tal-abort. Id-dimostrazzjoni titqies bħala l-punt ta’ ffukar ta’ serje ta’ ġrajjiet li jsiru bil-għan li jiġbdu l-attenzjoni għal kawżi favur il-ħajja.
Il-Knisja Kattolika dejjem kellha sehem importanti f’tali attivita, dan b’mod partikolari b’organizzazzjoni ta’ quddies, talb, vġili u saħansitra rallies b’appoġġ għal kull sforz li jsir favur il-ħajja. L-Arċisqof ta’ Washington D.C., il-Kardinal Donald Wuerl, ikkonċelebra quddiesa ma’ ħafna Isqfijiet u saċerdoti li saret għal rally taż-żgħażagħ li attira sehem qawwi minn fosthom stess. Fl-omelija waqt din iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-Kardinal fakkar fil-kliem ta’ Martin Luther King Jr li kien qal li “d-dlam ma jistax joħroġ lil xi ħadd mid-dlam – Huwa biss id-dawl li jista’ jagħmel dan. L-istess bħalma l-mibgħeda ma tistax toħroġ lil xi ħadd mill-mibgħeda. Hi biss l-imħabba li tista’ tagħmel dan. L-istess fil-kultura tal-mewt, hija l-ħajja li tista’ ssalvana”. Temm jgħid li “llum qegħdin hawn biex niċċelebraw il-ħajja. Il-ħajja umana hi tajba…hi qaddisa”.
Il-mixja favur il-ħajja din is-sena ffukat fuq kwistjonijiet ta’ liberta reliġjuża, wara deċiżjoni tal-amministrazzjoni Obama l-ġimgħa li għaddiet li timponi fuq il-biċċa l-kbira ta’ min iħaddem, inkluż istituzzjonijiet tal-Knisja, sabiex jinkludu l-isterilizzazzjoni, il-kontraċezzjoni u l-mezzi abbortivi fil-pjani tagħhom ta’ kura tas-saħħa għall-impjegati. Fl-ewwel reazzjoni tal-Knisja, din id-deċiżjoni ssejħet “litteralment bla kuxjenza” mill-Arċisqof ta’ New York u President tal-Konferenza Episkopali tal-Istati Uniti, Timothy M-Dolan, li daqt ikun Kardinal.